MEPs iwissu dwar it-tnaqqis fit-tilqim

Il-Membri Parlamentari Ewropej (MEPs) fil-Kumitat għas-Saħħa resqu abbozz rigward it-tilqim fejn saħqu dwar il-bżonn li jittieħdu b’aktar serjetà hekk kif in-numru ta’ persuni li qed jiddeċiedu li ma jiħduhomx dejjem qed jikber.
L-MEPs sostnew li waħda mill-akbar diffikultajiet li qed jaffaċċja dan il-qasam hija li ħafna nies tilfu l-fiduċja fit-tilqim minħabba li hawn ħafna informazzjoni falza u ambigwita.
Spjegaw li din l-insistenza li ma jittieħdux it-tilqim neċessarji qed jikkawżaw epidemiji li jistgħu faċilment jiġu evitati, bħat-tfaqqigħ tal-ħosba f’numru ta’ pajjiżi.
Fi stqarrija l-MEPs assiguraw li t-tilqim jgħaddi minn testijiet rigorużi u min-numru ta’ provi kliniċi.
Sostnew li hemm bżonn li tiżdied it-trasparenza fl-evalwar tat-tilqim u meta jingħataw fondi sabiex isiru programmi ta’ riċerka indipendenti. Għamlu referenza wkoll għall-importanza li n-nies ikollhom informazzjoni ċara ta’ x’inhuma l-effetti sekondarji (side effects) tat-tilqim.
L-MEPs għamlu referenza wkoll għall-fatt li l-prezzijiet tat-tilqim għolew b’14-il darba aktar sal-2014 meta kkumparat mal-2001.
L-abbozz ġie kkonfermat b’55 vot favur, wieħed kontra u tliet astensjonijiet u se jkun qed jiġi mressaq fi Strasburgu f’April jew Mejju.