MEPs iridu li l-obeżità tkun rikonoxxuta bħala marda kronika

Grupp Membri Parlamentari Ewropej, immexxija mill-MEP Malti Alfred Sant, talbu bill-miktub lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew biex jirrikonoxxu l-obeżità bħala marda kronika.
Dawn l-MEPs qed imexxu inizjattiva li tiffoka fuq l-epidemija tal-obeżità, li qed tiżdied fl-Ewropa u li qed tiswa lill-gvernijiet Ewropej iktar minn €70 biljun fis-sena f'servizzi tas-saħħa u produttività mitlufa.
Id-dikjarazzjoni tbassar li sas-sena 2030, iktar minn 50% tal-Ewropej ikunu obeżi. F'ċerti pajjiżi, in-numru ta' nies li jkollhom piż żejjed jew obeżità jista' jaqbeż saħansitra d-90%.
Dr Sant qal li "Il-piż tal-ispejjeż kollha jaf ikunu iktar minn €70 biljun fis-sena, għax l-obeżità tikkawża mard ieħor, bħal pereżempju d-dijabete, mard tal-qalb u forom ta' kanċer."