Membri Parlamentari Ewropej se jiġu Malta biex jinvestigaw il-korruzzjoni u s-Saltna tad-Dritt.
Dan ħabbru fi tweet, il-Membru Parlamentari Ewropew u l-Kap tal-Grupp Parlamentari tal-Liberali u d-Demokratiċi (ALDE) Guy Verhofstadt.
Spjega kif din id-delegazzjoni mibgħuta mill-Parlament Ewropew se tkun qed tinvestiga kif tiġi applikata s-Saltna tad-Dritt f’Malta, liema passi jridu jittieħdu kontra l-korruzzjoni, u kif qiegħda tiġi indirizzata l-problema tal-ħasil ta’ flus f’Malta.
Fl-istess tweet, Verhofstadt qal li wara li ltaqa’ mal-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, ħass li l-rakkont tagħhom dwar is-sitwazzjoni f’Malta hu wieħed xokkanti.
Today, we decided that the @Europarl_EN will send a delegation to Malta to investigate the rule of law, corruption and money laundering. pic.twitter.com/EmF3qQgstw
— Guy Verhofstadt (@GuyVerhofstadt) October 26, 2017
Nhar it-Tlieta li għadda, il-familja tal-ġurnalista kienu mistiedna mill-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Verhofstadt kompla jgħid li jidher li l-korruzzjoni hi mifruxa u saret mudell ta’ negozju li jrendi profitt.
Sadanittant, fi tweet oħra, il-Membru Parlamentari Ewropew għall-Grupp tal-Ħodor Sven Giegold, qal li fl-14 ta’ Novembru fit-3pm hu mistenni li jkun hemm dibattitu u reżoluzzjoni fil-plenarja dwar is-Saltna tad-Dritt u l-ħasil tal-flus f’Malta. Giegold saħaq li l-għan huwa li titkompla l-ġlieda ta' Daphne Caruana Galizia.
#Breaking: EU Parliament will debate on „Rule of law & money laundering in Malta“ 14th Nov, 3 pm. We've to finish Daphne #Galizia's fight!
— Sven Giegold (@sven_giegold) October 26, 2017