MEPs bi kliem iebes għal skemi ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza

Il-Membri Parlamentari Ewropej kellhom kliem iebes għal skemi ta' bejgħ ta' ċittadinanza Ewropea.
Il-Parlament Ewropew iddiskuta l-iskema ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza Ewropea permezz ta’ skemi ta’ ċittadinanza f’diversi pajjiżi Ewropej fosthom Malta.
Il-Membri Parlamentari Ewropej qablu li jiddiskutu dan is-suġġett taħt it-tema ta’ valuri Ewropej, żieda fil-korruzzjoni u l-kriminalità mill-Visas tad-deheb.
Fi stqarrija maħruġa mill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew eżatt wara d-dibatttu, l-Ewroparlamentari Maltija Roberta Metsola qalet li "m'għandniex nagħlqu għajnejna u lanqas għandha tagħlaq għajnejha l-Kummissjoni Ewropea".
Metsola kkwotat lill-OECD fejn qalet li riċentament sejħet dawn l-iskemi bħala "vulnerabbli ħafna għall-abbużi u li jimminaw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri".
Fost il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin tkellem il-Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant.
Alfred Sant qal li l-pajjiżi żgħar qed jattiraw l-investiment permezz tal-hekk imsejħa visa tad-deheb. Iddefenda d-deċiżjoni tal-Gvern Malti dwar l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment billi qal li l-Membri m’għandhomx jikkritikaw lil Malta u lil Ċipru talli għandhom skemi bħal dawn.
Tkellmet ukoll il-Membru Parlamentari Ewropew Maltija Miriam Dalli. Dalli qalet li barra Malta hemm aktar pajjiżi Ewropej li jħaddmu skemi bħal ta’ Malta.
Anna Gomes, Frank Engel u oħrajn jitkellmu dwar l-iskema f’Malta
Il-Membri Parlamentari Ewropej ta’ pajjiżi oħra ġejjin mill-gruppi politiċi kollha, kellhom kliem iebes għal dawk il-pajjiżi li qed ibiegħu ċ-ċittadinanza Ewropea.
Ana Gomes qalet li skemi bħal dawk implimentati f’Malta jgħinu biex tikber il-korruzzjoni, fi kliemha sejħitilhom bħala “inċentivi għall-korruzzjoni”. Fid-diskors tagħha hija semmiet lill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.
Frank Engel semma l-Pilatus Bank u staqsa kif bank bħal dan jista’ jitqies bħala investiment fl-Unjoni Ewropea. Saħaq li ma’ hemm l-ebda ċittadinanza b’investiment iżda skontu, ċ-ċittadinanza titqies biss b’identifikazzjoni, valuri u twemmin.
Tkellmek ukoll l-Ewroparlamentari Monica Macovei.
Oħrajn appellaw lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jew jipprojbixxu skemi ta’ bejgħ tal-passaporti jew biex jinħolqu liġijiet ċari ugwali għall-pajjiżi kollha.
F'nofs id-dibattitu, il-Membri Parlamentari Ewropej intalbu joħorġu 'l barra hekk kif daqqet il-qanpiena tal-alarm.