Aġġornata: MEPA tapprova l-użu ta’ heavy fuel oil fl-estensjoni tal-Power Station

Il-MEPA approvat l-użu tal-heavy fuel oil fl-estensjoni tal-Power Station tad-Dellimara. Il-bord tal-MEPA approvat din id-deċiżjoni b’għaxar voti favur. Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ryan Callus u rappreżentant ta’ għaqda non-governattiva vvutaw kontra.

Fost il-pubbliku preżenti kien hemm l-eks Ministru George Pullicino. Huwa qal li li kieku l-bord kien ikkonċernat bl-użu ta’ heavy fuel oil, kieku ma kienx ikun l-istess bord li jikkunsidra l-permess għall-estensjoni.

L-eks Ministru fakkar li filwaqt li issa huwa permess li ssir estensjoni tal-Power Station li tuża heavy fuel oil, qabel, il-Partit Laburista kien qed jgħid li l-power station f’Dellimara hija fabbrika tal-kanċer.

Stqarrija PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista fakkar kif fil-leġislatura li għaddiet, Joseph Muscat kien saħaq li l-Gvern kellu jaqleb mill-użu tal-heavy fuel oil għad-diesel minnufih.

Il-PN qal li għal darb’oħra, qed joħroġ fil-beraħ li għall-Gvern Laburista ta’ Muscat, dak li ġie mwiegħed qabel l-Elezzjoni Ġenerali m’għadux jgħodd illum. Minkejja li l-estensjoni tal-power station ta’ Delimara tista’ titħaddem kemm bil-heavy fuel oil kif ukoll bid-diesel, il-Gvern ta’ Muscat ħa d-deċiżjoni li ma jwettaqx dak li wiegħed lill-poplu Malti u Għawdxi fir-rigward tal-“fabbrika tal-kanċer”.
L-istqarrija ttemm tgħid li hi ironika d-deċiżjoni tal-lum ttieħdet fl-istess ġimgħa li l-Ministru Leo Brincat qiegħed jorganizza serje ta’ attivitajiet biex ikabbar il-kuxjenza dwar il-kwalità tal-arja.

Fi stqarrija oħra, il-PN sostna li l-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed ikompli jgħaddi ż-żmien bin-nies meta jgħid li l-Partit Laburista qatt ma wiegħed li jaqleb mill-heavy fuel oil għad-dijżil mal-ewwel.

Reazzjoni mill-Gvern

B'reazzjoni għall-kritika tal-Oppożizzjoni, l-Gvern qal li l-kritika tal-Oppożizzjoni għad-deċiżjoni tal-bord tal-MEPA hija ipokrezija ta’ min wikka lil dan il-pajjiż power station li taħdem bil-heavy fuel oil . Dawn huma l-istess nies li saħansitra biddlu l-liġi ambjentali biex pajjiżna juża dan it-tip ta’ fuel.

Id-deċiżjoni tal-board tal-MEPA, tkompli l-istess stqarrija, kellha tittieħed bilfors f’dan l-istadju minħabba li l-Gvern preċedenti kien ippospona din id-deċiżjoni qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Stqarrija PL

Fi stqarrija l-Partit Laburista sostna li l-Gvern Nazzjonalista preċedenti kien mar għall-iktar power station li tħammeġ anke meta seta’ mar għall-gass. 

Gvern Nazzjonalista injora għal kollox rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-mod ta’ kif saru l-affarijiet fil-każ tal-Power Station tal-BWSC.

L-istqarrija ssostni li sal-lum, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għadu jemmen li l-Heavy Fuel Oil huwa l-aħjar soluzzjoni.

Gvern Laburista jinsab on track biex jorħsu l-kontijiet għall-familji u negozji Maltin u Għawdxin u jġib l-Enemalta fuq saqajha.

Dan kollu permezz tal-qalba għall-gass.