Il-MEPA tapprova l-bini ta’ power station ġdida bil-gass

Wara aktar minn seba’ sigħat ta’ diskussjoni, il-Bord tal-MEPA approva l-applikazzjoni għall-bini ta’ powerstation tal-gass f’Delimara. Fiż-żewġ applikazzjonijiet ippreżentati lil MEPA, il-membri tal-bord Ryan Callus u Alex Vella ivvutaw kontra għaż-żewġ applikazzjonijiet. Il-bqija vvutaw favur l-applikazzjoni għal dan il-proġett.

Aktar kmieni:

17:45 Id-Deputat Nazzjonalista ressaq mozzjoni biex id-deċiżjoni tal-MEPA tiġi posposta sakemm isir l-istudju meħtieġ. Il-mozzjoni kienet issekondata minn alex Vella, li huwa ukoll membru tal-bord. Il-mozzjoni kienet issekondata minn alex Vella, li huwa ukoll membru tal-bord. Iċ-Chairman Vince Cassar qal li l-vot se jsir mingħajr kameras u fis-sigriet. Hawnhekk intervjena George Pullicino u staqsa għalfejn u fuq liema artikolu tal-liġi s-sur Cassar ħa din id-deċiżjoni. Tnejn ivvutaw favur il-mozzjoni, il-bqija vvutaw kontra.

17:23 Ryan Callus ippropona biex il-bord jikkunsidra jipposponi d-deċiżjoni tiegħu biex din tittieħed darb’oħra. Dan minħabba, spjega Callus, li hu mhux komdu jieħu din id-deċiżjoni qabel ma jsir rapport dwar l-impatt ambjentali fuq il-baħar u jingħataw dettalji oħra. 

16:04 Ryan Callus staqsa x’jiġri mill-moll meta t-tanker jiġi biex isalpa. David Galea wieġeb li dan se jkollu għan strateġiku biex Malta ma jkolliex sors wieħed ta’ enerġija. B’hekk qal li jekk ikun hemm problema fil-pipeline, ikun jista’ jerġa’ jinġieb it-tanker.  

16:00 Kelliem għal Electrogas li kien preżenti għal laqgħa qal li l-aċċess għall-moll se jkun ikkontrollat u kull min irid jidħol, ħa jkollu jneħħi dawk l-affarijiet li jistgħu ikunu ta’ periklu jew b’xi mod joħolqu periklu fis-sit. Ryan Callus insista li l-mistoqsija tiegħu rigward l-aċċess għall-vapur u l-moll ma ġietx risposta. 

15:44 Ryan Callus beda l-intervent tiegħu iżda kellu jieqaf ħesrem wara li ġie mgħajjar minn membru fil-pubblika. Callus insista li qabel ma jitkeċċa r-raġel li għadda l-kumment, hu mhux lest li jkompli. Il-pulizija skortat ir-raġel barra u d-diskussjoni kompliet. 

15:37 Fl-intervent tiegħu, Robert Abela qal li dak li qed jikkomunika l-Prim Ministru lil Bord huwa regola. Spejga li dan ma jfissirx li min joġġezzjona ma jkunx jista’ jappella imma minħabba li m'hemmx joġġezzjona skont ir-reġistru li hemm s'issa. 

15:25 Resident partikolari qam biex jagħmel intervent u qal li l-bord tal-MEPA se jkun responsabbli għal xi ħsara li tista’ issir fuq il-propjeta’ tiegħu.  

15:20 Therese Comodini Cachia, il-Kandidata għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew indikat li l-ebda awtorita’ ma semmiet is-social impact assessment, kif dan il-proġett se jaffetwa l-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Qalet li fit-tieni stadju, jidher li mhux se jsir studju bħal dan. Fosthom semmiet l-impatt fuq il-komunita’ Xlukkajra, ladarda jista’ jkun hemm ħaddiema barranin li issa jkollhom bżonn jgħixu f’dan ir-raħal. 

15:04 Joe Demicoli, il-President tal-Koperattiva tas-Sajd intervjena u qal li s-sajjieda huma kkonċernati bil-fiżjonomija tal-port. Staqsa jekk iċ-ċaqliq ta’ vapuri fil-port hux se jikber jew le.  

15:00 Anton Vella qal li huma n-nagħaġ li jaċċettaw kollox, u b’hekk il-poplu għandu dritt jistaqsi. Staqsa kemm idum biex jieqaf f’daqqa vapur ta’ dak il-kobor u jekk hux se jkun jista’ jiffunzjona kif suppost. Intant id-diskussjoni qed titqanqal biċ-Chairman tal-MEPA javża li jekk jerġa’ jkun hemm aktar storbju, il-pubbliku jitlaq ‘il barra. 

14:21 Fl-intervent tiegħu George Pullicino qal li l-alternattivi li semma’ David Galea mhux inklużi fl-istudju tal-impatt ambjentali. Semma’ li storage floating units jeżistu 11, u m’hemmx dak ta’ Livorno biss, kif semma’ Galea u hemm mal-40 oħra li qed jinbnew. 

Id-diskors ta’ Pullicino kien interrot diversi drabi minn ibbujjar u kummenti mill-persuni preżenti. 

14:10 Il-Kaptan tal-Port, David Bugeja qal li l-istudji meħtieġa saru. Qal li l-istudju marittimu se jkun qed jassumi li qed isir studju fuq vapur bħall-oħrajn. Bugeja qal li l-operazzjoni tal-port se tibqa’ għaddejja mingħajr problemi. 

Mill-ġdid tkellem Papadakis fejn qal li l-għan ewlieni tad-Direttiva ta’ Saveso hu li n-nies ikunu jafu r-riskji kollha u li dawn ir-riskji jiġu indirizzati. Qal li r-rapport jista’ isemmi ħafna xenarji differenti imma qal li għalissa ma jagħmilx sens li tistudja kull xenarju li jista’ jinqala.  

14:00 Carmel Cocopardo mill-Alternattiva Demokratika qal li studju marittimu huwa obbligu, għax l-impatt ambjentali kien jinkludi li qabel deċiżjoni finali, dan l-istudju jeħtieġ isir. Staqsa għalfejn ġiet skartata l-alternattiva li jitqiegħed vapur barra mill-port. Qal li jippreferi li telimina r-riskju fuq in-nies milli fuq il-vapur.  

13:47 Dr Ann Fenech qalet li tinsab sorpriża kif l-ittra ta’ Ray Bugeja ma ġietx ippreżentata quddiem il-Bord tal-MEPA kollu. Dr Fenech qalet li anke kif qalet Transport Malta, għadu ma sarx studju dwar l-impatt marittimu dwar l-proġett. Qalet li movimenti f’Marsaxlokk ma sarux 2,000 kif qalet l-MEPA, imma aktar minn 5,000. Insistiet li qabel id-deċiżjoni, hemm bżonn ta’ impatt marittimu serju. Fakkret li r-rapport ta’ Papadakis jassumi li m’hemmx sors ta’ nar fl-inħawi ta’ Marsaxlokk. Qalet li l-bord tal-MEPA ma jkunx qed jaġixxi kif suppost jekk ma jitlobx rapport ieħor qabel ma ssir deċiżjoni. 

Naqbel mal-preżenza temporanja tat-tanker – Edric Micallef

13:36 Fetaħ il-ħin għall-pubbliku minħabba li ma kien hemm ħadd biex jitkellem għall-preżentazzjoni minn Flimkien għal Ambjent Aħjar. Iċ-Chairman tal-MEPA Vince Cassar ta tliet minuti kull wieħed. George Pullicino insista li tliet minuti mhux ħin biżżejjed biex jagħtu kontribut għal din id-diskussjoni.

L-ewwel ma beda kien is-Sindku ta’ Marsaxlokk Edric Micallef. Huwa qal li l-kontijiet tad-dawl u diskussjonijiet oħra ma jaqgħux taħt ir-responsabilita’ tal-Kunsill. Saħaq li l-Kunsill iħares lejn il-qalba tal-gass b’mod pożittiv. Qal li s-soluzzjoni aħħarija huwa li jkun hemm ħażna tal-gass f’Marsaxlokk stess u il-Kunsill ipprefera li l-ħażna ssir fuq il-baħar. Micallef insista li jaqbel mal-proġett għas-saħħa tar-residenti u qal li jispera li l-preżenza tat-tanker tkun temporanja biex is-soluzzjoni permanenti jkun il-pipeline.

13:28  Iċ-Chairman tal-MEPA, Vince Cassar ordna biex tinqara ukoll l-ittra tal-President tal-Koperattiva tas-Sajjieda, Joe Demicoli. L-ittra tgħid li l-membri l-oħra qed jiddisaċċjolizzaw minn dak li kiteb fl-ittra is-sur Bugeja.

13:03 Ryan Callus insista li jinqara l-protest legali minn Raymond Bugeja mill-Koperattiva tas-Sajjieda lil Vince Cassar,  u r-risposta tal-MEPA. 

12:54 Michelle Piccinino mid-Direttorat għall-Ippjanar qalet li l-proġett se jwassal għal tibdil fl-impatt viżwali, iżda qalet li s-sit diġa’ għadda min din il-ħaġa bi proġetti li saru fil-passat. 

L-impatt ambjentali huwa minimu – George Papadakis

12:24 Ġew identifikati ukoll numru ta’ safety critical zones li jista’ jkun hemm fil-proġett bħal per eżempju, it-trasportazzjoni tal-gass għall-powerstation. Papadakis qal li t-tanker se jkun jinkludi ħames tankijiet f’forma ta’ sfera ta’ mhux aktar minn 35,000 metru kubu kull wieħed. Saħaq li r-riskju involut f’dan il-proġett huwa minimu. Papadakis spjega li f’każ ta ħsarat, il-gass LNG ma joħloqx nirien qawwija bħal elementi oħra. 

12:16 Preżenti għal din il-laqgħa hawn ukoll George Papadakis li ħejja ir-rapport tal-OHSA. Huwa spjega li r-rapport tas-sigurta’ skont id-Direttiva ta’ Seveso, jinkludi informazzjoni dwar l-operazzjoni u l-makkinarju involuti fil-proġett. Id-Direttiva tistipula ukoll li r-rapport tas-sigurta’ se jkollu jitressaq kull sena.   

12:06 Rappreżentanta mid-Direttorat tal-Ambjent qal li l-ġustifikazzjoni għal dan il-proġett hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ekonimiċi u ambjentali. 

11:32 Fl-aħħar tal-preżentazzjoni, David Galea qal li dan il-proġett għandu jsir issa biex jitnaqqas ir-riskju għall-ambjent. Qal li ma ġiex magħżul l-irħas sors, imma huwa l-aħjar sors għax għandu rekord ta’ sigurta’ u l-prezz isir iktar prevedibbli. L-istudju mill-Enemalta jgħid li hemm bżonn ta’ investiment ta’ 200MW ieħor. L-effiċjenza tal-impjant propost se tkun ta’ madwar 54%. 

11:00 Paul Gauci, il-perit li kkordina l-impatt ambjentali spjega li dan il-proġett se jinvolvi sitt ċumniji. Tlieta minnhom se jkunu ta’ 75 metru, l-oħrajn se jkunu ta’ 30 metru. L-istudju tal-impatt ambjentali jinkludi ukoll studju dwar l-emmissjonijiet f’kundizzjonijiet differenti tat-temp li jagħmel f’Malta. 

10:53 Il-Perit Peter Zammit qal li għal ħażna tal-gass kien hemm b’kollox tliet alternattivi. Qal li s-sit hu mdawwar b’żewġ villaġġi relattivament kbar u li għandhom ukoll wirt storiku. Saru studji dwar il-ħsejjes u dwar ir-riskju li jista’ jiġi kkawżat. 

10:35 Fil-bidu tal-preżentazzjoni dwar il-proġett, David Galea, Project Manager spjega li dan il-proġett huwa wieħed nazzjonali u mhux biss tal-Enemalta. Qal li l-għan hu li jitnaqqsu l-emmissjonjiet fl-arja u biex tissaħħaħ il-provvista tad-dawl f’Malta. Fuq kollox, li jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ ġenerazzjoni tad-dawl. Galea qal li hemm bżonn ta’ diversifikazzjoni tas-sorsi u sostanibbilita’ ekonomika u ambjentali. 

PM bagħat ittra liċ-Chairman tal-MEPA li f'każ ta' appell ix-xogħol se jkompli

10:27 Cassar qal li rċieva ittra mill-Prim Ministru li tgħid li jekk dan il-permess jgħaddi u jkun hemm appell dwaru, ix-xogħol ikun jista’ jibda b’mod indipendenti. 

10:21 Vince Cassar, iċ-Chairman tal-MEPA spjega li quddiem l-awtorita' tressqu b’kollox żewġ applikazzjonijiet mill-Enemalta relatati mal-powerstation tal-gass. Minkejja dan, id-deċiżjoni u d-diskussjonijiet se jkunu qed isiru fuq proġett wieħed. 

10:00 Għadd kbir ta’ persuni nġarbu quddiem il-bini ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta biex jattendu l-laqgħa mill-Bord tal-MEPA dwar l-applikazzjoni għall-powerstation ġdida tal-gass f’Marsaxlokk. 

Il-Bord tal-MEPA se jkun qed jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għall-powerstation ġdida ta’ 200MW li taħdem bil-gass u l-faċilitajiet kollha li hemm bżonn għall-ħażna tal-gass f'Delimara.