MEP tan-Netherlands tisfida lill-Kunsill Ewropew dwar Malta

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Sophie in ‘t Veld ikkritikat lill-Kunsill Ewropew u sfidatu biex jieħu azzjoni. L-MPE tan-Netherlands mill-partit Ewropew Renew Europe kitbet li l-Kunsill Ewropew li se jitlaqqa’ bejn għada u l-Ġimgħa għandu jpoġġi t-tisħiħ tas-saltna tad-dritt f’Malta fuq l-aġenda tiegħu u biex jistaqsi mistoqsijiet iebsin lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Sophie in ‘t Veld li l-ġimgħa li għaddiet mexxiet delegazzjoni urġenti tal-Parlament Ewropew f’Malta kitbet li s-sitwazzjoni hija allarmanti ħafna u l-atitudni ta’ xejn mhu xejn fi Brussell mhix aċċettabbli.

Fl-artiklu ta’ 700 kelma fuq Politco.eu, in ‘t Velt tgħid li l-korruzzjoni niġġset diversi setturi fosthom is-Soċjetà u l-politika. Qalet li l-ħasil tal-flus, il-kummerċ illegali taż-żejt u il-bejgħ taċ-ċittadinanza Ewropea lill-billjunarji saru industriji kbar fl-ekonomija tal-gżira Maltija.

Sostniet dan filwaqt li fakkret kif sentejn ilu, Daphne Caruana Galizia, il-ġurnalista li kienet qed tikxef il-korruzzjoni inqatlet brutalment b’karozza bomba.

Dwar il-mexxejja Ewropej fil-Kunsill Ewropew, Sophie in ‘t Veld kellha kliem iebes. Qalet li filwaqt li r-ritratt tagħhom kollha flimkien kapaċi juri familja magħquda mimlija b’nies ġentlomi, dan mhux il-każ għaliex fosthom hemm politiċi akkużati b’kunflitti ta’ interess u użu ħażin tal-fondi pubbliċi, mexxejja awtoritarji u oħrajn li bid-deċiżjonijiet taħghom ħadu post l-imħallfin.

Dwar Malta, l-Ewroparlamentari żżied il-kliem iebes u tgħid li Muscat huwa fost dawk implikati fl-assassinju fi qtil.