MEP Maltija magħżula għal kumitat Parlamentari dwar it-tniġġiż mill-karozzi

L-Ewroparlamentari Maltija Miriam Dalli ntagħżlet bħala membru fil-Kumitat Parlamentari Ewropew li se jmexxi inkjesta dwar it-tniġġiż mill-karozzi.
Il-kumitat twaqqaf wara li nkixef l-iskandlu Volkswagen. L-għan hu li jindirizza l-abbużi li saru mill-industrija tal-karozzi.
Il-Membru Parlamentari Laburista ilha sena u nofs tirrappreżenta lis-Soċjalisti u Demokratiċi fil-proċess li għandu jwassal għal test li jkejjel l-emissjonijiet reali tal-karozzi.
Intant, fil-Parlament Ewropew, Miriam Dalli kkritikat deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru, li skont Dalli se tgħolli bid-doppju t-tniġġiż fit-toroq. Miriam Dalli spjegat li fl-2007 ittieħdet deċiżjoni li tillimita t-tniġġiż mill-karozzi imma issa din qed tinbidel kompletament.