Aġġornata: MEP Ġermaniża titlob is-sospensjoni ta’ Giovanni Kessler mill-OLAF

B’reazzjoni għall-kummenti dwar is-sospensjoni ta’ Giovanni Kessler minn Direttur tal-OLAF, kelliem għall-Uffiċċju ta’ Kontra l-Frodi tal-Unjoni Ewropea qal li l-intervisti kollha fil-każ ta’ John Dalli saru kollha skont kif jitolbu l-proċeduri u dejjem kien hemm preżenti iktar minn żewġ investigaturi.

L-istess kelliem qal li wara kull intervisti, il-persuni kollha ngħataw iċ-ċans biex jikkoreġu l-intervista li ġiet irrikordjata. 

Dwar l-ikla li x-xhud ewlieni fil-każ ta’ John Dalli marret flimkien ma’ Giovanni Kessler, skont il-kelliem tal-OLAF, dawn marru jieklu fl-istess bini fejn saret l-intervista sakemm ikunu lesti r-recordings.

 

Aktar qabel:

Il-Membru Ewro Parlamentari Inge Grässle qed titlob li Giovanni Kessler jiġi sospiż minn Direttur Ġenerali tal-OLAF.

Dan minħabba għal mod ta’ kif qed titmexxa l-investigazzjoni fil-każ tal-eks Kummissarju Ewropew Malti John Dalli. 

L-MEP iddeskriviet din l-investigazzjoni bħala mhux professjonali u lanqas etika wara li fil-mezzi tax-xandir ġie rrappurtat li ix-xhud ewlenija fil-każ ta’ John Dalli, Dr Gayle Kimberley, ġiet interrogata għal seba’ sigħat minn Giovanni Kesler u wara ħadha tiekol miegħu.

Bil-Membri Ewro Parlamentari jitolbu biex jaraw id-dokumenti kollha li l-Olaf irnexxielu jiġbor fil-każ ta’ John Dalli, Grässle qalet li r-rapport ilu mhux aċċessibbli sa minn meta għadda f’idejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea. 

Sostniet li l-presidenti ta’ dawn it-tliet istituzzjonijiet għandhom jieqfu milli jkomplu jgħattu l-irregolaritajiet u jpoġġu fuq il-mejda l-fatti vera.

Kienet il-Kummissjoni Ewropea b’konsultazzjoni mal-Parlament u l-Kunsill Ewropew li appuntat lit-Taljan Giovanni Kessler bħala Direttur Ġenerali tal-OLAF fl-14 ta’ Frar 2011 fuq perjodu ta’ ħames snin.

Fl-Italja Kessler serva bħala maġistrat u anke ġie elett fil-parlament Taljan.

Mill-1986 sal-1998 kien ħadem ukoll fid-dipartiment kontra l-Mafja fi Sqallija.