MEP Belġjan jakkuża lil Cameron li qed jimblokka l-progress

Guy Verhofstadt, Membru tal-Parlament Ewropew Belġjan akkuża lill-Prim Ministru Ingliż David Cameron li qed jimblokka l-progress. Dan wara li Cameron dejjem iktar qed jikkritika lill-Unjoni Ewropea.
Verhofstadt, li hu wkoll President tal-Grupp ta' l-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa (ALDE), kien qed jitkellem fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew, li bdiet illum.
L-MEP qal li fid-diskors tieghu Cameron tkellem ħafna dwar bidla. Qal, però, li dak li għal Cameron hu bidla, fir-realtà huwa rigress. Żied jgħid li l-konservattiżmu jippriżerva l-istatus quo, u sostna li dak hu eżattament x'ma tridx l-Unjoni Ewropea llum.
Għamel ukoll enfażi fuq l-importanza tat-tkabbir ekonomiku, libertajiet ċivili, drittijiet għal persuni LGBT u kontroll fuq il-privatezza, fost oħrajn.