Memorji ta’ 21 sena ilu

Ġurnata speċjali għall-atturi Joseph Galea u Antonella Galea Loffreda hekk kif illum qed jiċċelebraw il-21 anniversarju mindu wegħdu mħabbithom lil xulxin. Il-koppja għandhom tifla, il-kantanta Martina Galea Loffreda.

Joseph u Antonella kienu f’kor flimkien adoloxxenti imma wara għamlu snin kemm kemm isellmu lil xulxin għax it-tnejn qabdu toroq differenti. Iżda d-destin ried mod ieħor. Anthony, ħu Joseph kellu grupp tat-tetaru u darba minnhom Antonella tfaċċat għax riedet tibda tirreċta. Kienet l-okkażjoni li wasslet lil Joseph u lil Antonella biex jerġgħu jsiru ħbieb u aktar għax fil-fatt għamlu madwar sitta jew seba’ snin għarajjes.

Joseph u Antonella, it-tnejn Bormliżi, iżżewġu fil-knisja ta’ Bormla, proprju qabel il-festa.

F’okkażjoni tal-anniversarju tagħhom, Joseph illum iddedika poeżija mitkuba minnu lil Antonella, poeżija li meta kien kitibha kienet għoġbitha.

Bexxaqt it-tieqa ta’ għada

u lmaħtna.

Rasek tistrieħ fuq spallejja

bilqgħeda fuq bank mimli għomor

inqallbu fil-folji ta’ ktieb oħxon oħxon.

Jekk għada intenni

inbexxaq dit-tieqa

u surti biss nilmaħ

inqalleb fil-ktieb oħxon oħxon

bil-folji imqaċċta u nieqsa,

nittama li din tkun biss ħolma.

Jekk le…

Illejla ser nibqa imqajjem.

Xi ħlew kien fihom!

Nawguraw l-isbaħ xewqat lil Joseph u lil Antonella għal aktar snin ta’ mħabba.