Membru tal-istaff ta’ Skolasajf fost il-persuni pożittivi għall-coronavirus

Aġġornat 05:24 PM

Read in English.

Membru tal-istaff ta’ Skolasajf instab pożittiv għall-coronavirus. Dan kien ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn diversi sorsi differenti, fosthom persuni qrib l-awtoritajiet tas-saħħa.

Minn informazzjoni li kisbet din il-kamra tal-aħbarijiet jidher li l-każ pożittiv instab fl-iskola ta’ Ħal Luqa. Is-sorsi spjegaw li parti mill-iskola tinsab magħluqa, filwaqt li hemm staff u tfal li jinsabu fi kwarantina u ntalbu jagħmlu l-iswab tests.

Sorsi oħra spjegaw li l-każ partikolari huwa wieħed minn dawk li nstabu pożittivi matul il-weekend li għadda.

Intant, e-mail li wasal għand din il-kamra tal-aħbarijiet u li jidher li ntbagħat lill-ġenituri tal-istudenti li jattendu l-iskola partikolari. Kien spjegat li wieħed mill-membri tal-istaff instab pożittiv għall-coronavirus u li minħabba f’hekk qed isir il-contact tracing kollu neċessarju mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Kien spjegat ukoll li l-awtoritajiet qed jikkuntattjaw lill-ġenituri u l-istaff li ġew f’kuntatt mal-persuna. Kulħadd intalab iwieġeb il-mobile anke jekk jara telefonata minn numru privat. Min jixtieq jikkuntattja lil tal-contact tracing, jista’ jċempel fuq 23266105.

Min-naħa tal-MUSEUM ta’ Ħal Għaxaq ittellgħet post sabiex dawk kollha li kienu se jattendu għal-lezzjonijiet tal-MUSEUM u li huma studenti fl-iskola ta’ Ħal Luqa, għandhom jikkuntattjaw il-MUSEUM qabel ma t-tfal imorru għal xi lezzjoni.

Intant, l-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) qalet li matul il-jum kienet f’kuntatt mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) biex tassigura li l-miżuri kollha għas-sigurtà tal-istaff u l-istudenti ttieħdu. L-MUT qalet li tinsab sodisfatta bl-azzjonijiet li ttieħdu u li se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni.