Membru tal-BirdLife tinħeles wara akkużi foloz

Il-Qorti ddeċidiet li membru tal-BirdLife malta, Caroline Rance, ġiet akkużata inġustament għal reat li ma għamlitx. 
Rance, flimkien ma’ Nicholas Barbara minn BirdLife u Fiona Burrows mill-CABS, kienu akkużati li qed iżommu għasafar protetti b’rabta ma’ ritratt li fih jidhru membri tal-BirdLife jżommu  għasafar milquta illegalment. 
Ir-ritratt inħareġ mill-BirdLife f’Ottubru 2012. 
Fit-tieni smigħ tal-lum fil-Qorti, l-avukat difensur qal li meta ttieħed ir-ritratt, Caroline Rance ma tidhirx fih u lanqas kienet tgħix Malta jew taħdem mal-għaqda. 
Fix-xhieda tagħhom, mistoqsija jgħidu min huma n-nies fir-ritratt, Lino Farrugia u Joe Perici Calascione mill-FKNK irnexxielhom jgħarfu biss lil Nicholas Barbara. 
Fi stqarrija Rance staqiet kif spiċċat investigata mill-Pulizija u qalet li dan hu każ ta’ ibbulljar min-naħa tal-FKNK. 
Il-każ kontra Nicholas Barbara u Fiona Burrows se jkompli fit-18 ta’ Frar.