Membri tal-Gvern jimxu lejn il-bankijiet tal-Oppożizzjoni

Read in English.

Is-seduta tal-Parlament illejla kienet karatterizzata minn xeni mqanqla u ħin minnhom minn kaos sħiħ, kemm qabel kif ukoll wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia llum ukoll reġa’ talab għas-sospensjoni tar-regolamenti biex il-Kamra tiddiskuti b’urġenza s-sitwazzjoni preżenti.

Membri tal-Oppożizzjoni bdew jgħajtu “Mafja, Mafja” lejn il-membri tal-Gvern. L-eks Ministru Konrad Mizzi kien wieħed li lejh kienu indirizzati b’mod speċjali l-kummenti tal-Oppożizzjoni. Il-Ministru Carmelo Abela, il-Ministru Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis dehru jimxu lejn il-bankijiet tal-Oppożizzjoni iżda kienu mwaqqfa mis-security tal-Parlament ftit ‘il bogħod mill-membri tal-Oppożizzjoni.

“Kieku għadha ħajja” – Fenech Adami lil Mizzi

Spikka wkoll argument bejn id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u l-eks Ministru Konrad Mizzi, b’Fenech Adami jgħid lil Mizzi, li “kieku mhux għall-korruzzjoni tiegħek Daphne għadha ħajja”.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, fost diversi interruzzjonijiet minn naħa tal-Gvern, talab li ssir sospensjoni tal-aġenda tal-Kamra biex issir diskussjoni b’urġenza dwar is-sitwazzjoni preżenti li huwa ddeskriva bħala sitwazzjoni ta’ kriżi kostituzzjonali.

Byron Camilleri qal li din hija mozzjoni bħal dik li kien għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġurnata ta’ qabel. Għalhekk qal li ma hemmx urġenza.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li s-sitwazzjoni llum hija differenti u ħafna agħar milli kien hemm ilbieraħ. Huwa fakkar li llum kien hemm ir-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi u Chris Cardona kif ukoll ta’ Keith Schembri.

L-Ispeaker issospenda l-Kamra biex jagħti ruling.