Iweġġgħu daharhom wara li qabżu mill-għoli

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-membri tal-ERRC assistew numru ta’ għawwiema fil-Bajja tal-Bejn il-Kmiemen f’ Kemmuna u fil-Bajja tar-Ramla l’Ħamra f’Għawdex.
Żewġ għawwiema soffrew minn uġiegħ f’daharhom wara li qabżu minn fuq il-blat. 
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tat-3pm tal-Ġimgħa, fejn mara soffriet uġiegħ f’daharha meta qabżet minn fuq blata qrib Kemunett.
It-tieni inċident seħħ għall-ħabta tal-5pm, fejn raġel kien irrapurtat li qabeż minn fuq Kemunett.
Fiż-żewġ każijiet, wara li ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, l-għawwiema ttieħdu l-Imġarr permezz tal-ambulanza tal-baħar. 
Minn hemmhekk twasslu b’ambulanza fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal-aktar kura.
Il-Ħadd, raġel Malti ta’ 23 sena, kien irrapurtat li qabeż minn fuq Kemuna u soffra uġiegħ f’dahru.
Huwa wkoll ittieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-kura.
Il-Ħadd ukoll, fil-bajja tar-Ramla il-Ħamra f’Għawdex kien hemm dgħajsa żgħira li spiċċat f’diffikulta minħabba l-kurrent qawwi li kien hemm. 
Membri taw l-għajnuna billi ġibdu d-dgħajsa lejn il-kosta. 
Ma' Newsbook.com.mt. il-voluntiera tal-ERRC, Jahel Muscat qalet li das-sajf, f’inqas minn xahar, kellhom diġà iktar minn 30 każ ta’ nies li għejjew jaqsmu bl-għawm minn Kemmuna għal Kemmunett, b’idejhom ‘il fuq iġorru ħwejjiġhom.