Membri tal-AFM jgħinu fi skola fl-Uganda

Grupp ta’ suldati mill-Forzi Armati ta’ Malta li kienu nvoluti f’missjoni ta’ taħriġ fis-Somalja, kienu involuti f’donazzjonijiet ta’ kotba u materjal tal-iskola lil tfal f’villaġġ fl-Uganda.

Il-membri tal-armata ħadu din l-inizzjattiva waqt li kienu qed jagħmlu r-ronda f’dan il-villaġġ. Huma osservaw numru ta’ tfal jilgħabu f’għalqa qrib tal-kamp fejn kienu bbażati s-suldati. Huma tkellmu mas-surmast tal-iskola fejn qalilhom li l-iskola għandha mal-525 student ta’ bejn it-tliet u l-15-il sena. Huwa qal li dawn it-tfal ikollhom jimxu mat-8km kuljum biex jasslu l-iskola. Spjega li l-iskola nieqsa mill-affarijiet bażiċi fosthom siġġijiet, mwejjed u kotba. L-iskola lanqas kellha bibien jew faċilitajiet sanitarji bażiċi.

Wara li tkellmu mas-surmast, membri mill-Armata Maltija u dik Irlandiża, li kienet għaddejja fuq l-istess missjoni, talbu lista tal-aktar affarijiet urġenti li hemm bżonn fl-iskola. Iż-żewġt armati qablu li jgħinu lil din l-iskola u marru 70km bogħod biex jakkwistaw dak li kien hemm bżonn.

Is-surmast tal-iskola rringrazzja lill-Forzi Armati Maltin kif ukoll dawk Irlandiżi. Huwa faħħar il-biċċa xogħol li għamlu għax kif spjega hu, is-suldati għamlu aktar minn dak li kien mistenni minnhom.