Membri ta’ Lifeline jagħtu mijiet ta’ kutri lill-immigranti ta’ Ħal Far

Mission Lifeline

Membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment Lifeline taw mijiet ta’ kutri bħala donazzjoni lir-residenti taċ-Ċentru ta’ Ħal Far wara li saru jafu li dawn kienu qed jiksħu billejl.

Marc Tilley mill-Missjoni Lifeline tkellem ma’ Newsbook.com.mt u qal li fix-xhur li għaddew, żviluppaw relazzjoni tajba mal-komunità ta’ immigranti li joqogħdu Ħal Far. Qal li l-membri tal-ekwipaġġ ippruvaw jagħmlu sforz biex jifhmu x’għandhom bżonn dawn in-nies li qegħdin ifittxu ażil.

Saru jafu li n-nisa u t-tfal kien qegħdin iħossu l-bard billejl peress li tqiegħdu fiċ-ċentru li oriġinarjament kien tal-irġiel f’Ħal Far. Għalhekk, l-NGO qed tgħinhom billi ttihom mijiet ta’ kutri bħala ġest ta’ solidarjetà.

Mission Lifeline

Il-bastiment MV Lifeline għadu maqbud u l-Kaptan tiegħu, Claus-Peter Reisch, għadu qed jidher il-Qorti fuq akkużi ta’ irregolaritajiet marittimi wara ħidma ta’ salvataġġ li fiha salvaw 234 persuna. 

Tilley qal li kull min irid jgħin lir-residenti ta’ Ħal Far jista’ jikkuntattja lis-Servizz tar-Rifuġjati tal-Ġiżwiti f’Malta fuq 21442751.