Membri ewlenin tal-moviment Katalan arrestati fuq tixwix

Imħallef Spanjol bagħat 2 membri ewlenin tal-moviment Katalan għall-indipendenza fil-ħabs.
Jordi Sánchez, li hu l-Kap tal-Assemblea Nazzjonali Katalana (ACN), u Jordi Cuixart, il-Mexxej tal-Omnium Cultural, qed jinżammu arrestati u ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest minħabba akkużi ta’ tixwix.
Dawn iż-żewġ persuni mifhuma li kienu minn ta’ quddiem li organizzaw ir-referendum tal-1 ta’ Ottubru li għadda, meta l-vot għadda favur l-indipendenza tar-reġjun Katalan, iżda l-Gvern Spanjol mill-ewwel kien iddikjarah antikostituzzjonali.
“Hija xi ħaġa li tnikktek, imma sfortunatament fi Spanja rġajna għandna l-ħabsin politiċi. Spanja qed issakkar politiċi li organizzaw dimostrazzjonijiet sielma”, qal il-mexxej Katalan, Carles Puidgemont.
Sadanittant, Puidgemont kellu sa lbieraħ biex jiċċara ma’ Spanja hux se jiddikjara l-indipenza tar-reġjun jew le, iżda lbieraħ kulma għamel talab lill-gvern biex jibdew id-diskussjonijiet, liema diskussjonijiet Spanja diġà qalet li mhix beħsiebha tagħmel.
Il-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, tah issa sal-Ħamis ċans, jekk ma jsir xejn Spanja lesta tissospendi l-awtonomija li bħalissa tgawdi l-Katalunja bħala reġjun.
Sánchez u Cuixart huma akkużati wkoll li ħeġġew attivisti Katalani biex jimblukkaw uffiċjali milli jidħlu fl-uffiċini tal-Gvern fl-20 u l-21 ta’ Settembru li għadda.
Fir-ritratt: Jordi Cuixart (xellug) u Jordi Sánchez (lemin)