Melvin Theuma żar Kastilja wara l-assassinju – rapport

Read in English.

Is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia Melvin Theuma żar Kastilja f’Novembru tal-2017, ftit ġimgħat biss wara li sar l-assassinju, skont ma ġie rrappurtat fit-Times of Malta.

Din kienet it-tieni żjara ta’ Theuma fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien ingħata xogħol fantażma mill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, sitt xhur qabel inqatlet il-ġurnalista.

Ir-rapport fit-Times jgħid li s-sensar iltaqa’ mal-eks segretarja ta’ Schembri, Charlene Biano Farrugia, fl-10 ta’ Novembru. Jidher li kien Yorgen Fenech, suspettat li hu l-moħħ wara l-assassinju, li rranġa biex issir din il-laqgħa. Fenech kien ħabib intimu ta’ Schembri, kif ingħad minn Schembri stess fil-qorti.

Fenech qal li Schembri kien involut fil-pjan biex tinqatel il-ġurnalista, iżda Schembri ċaħad din l-allegazzjoni. Huwa kien ġie interrogat mill-pulizija, u qed jiġi investigat b’rabta mal-assassinju, iżda mhuwiex jinżamm arrestat. Min-naħa l-oħra, hemm proċeduri kriminali għaddejjin fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, li hu sid il-kumpanija 17 Black.

Skont l-artiklu tat-Times, Bianco Farrugia kellha ssolvi problema li Theuma kellu ma’ Transport Malta minħabba xogħlijiet li kienu għaddejjin barra propjetà tiegħu fiż-Żurrieq.

Melvin Theuma, li ngħata maħfra presidenzjali sabiex jiżvela dak kollu li jaf dwar l-assassinju, ma ddiskutiex din it-tieni żjara tiegħu f’Kastilja fil-qorti. Fl-ewwel żjara tiegħu, huwa kien intlaqa’ minn Keith Schembri nnifsu, u ż-żewġ irġiel ħadu ritratt flimkien. L-ewwel laqgħa kienet dwar ix-xogħol fantażma li ngħata mal-Gvern, li tħallas tiegħu minkejja li qatt ma daħal għax-xogħol.

It-Times of Malta tgħid ukoll li ftit ġimgħat wara li sar rejd fit-tinda tal-patata tal-aħwa Degiorgio fil-Marsa, akkużati bil-qtil tal-ġurnalista, Schembri u Biano Farrugia ġew mistednin għal festin organizzat minn Yorgen Fenech biex jiċċelebra għan milħuq fil-proġett tal-powerstation.

Il-ġimgħa li għaddiet fil-qorti xehed Kenneth Camilleri, eks uffiċjal tas-sigurtà tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Huwa qal li ltaqa’ ma’ Melvin Theuma erba’ darbiet, iżda pprefera li ma jitkellimx wisq dwar Theuma fl-inkjesta pubblika, peress li għandu jixhed fuq hekk f’każ ieħor iżjed tard dan ix-xahar.

Camilleri allegatament intbagħat jiltaqa’ ma’ Theuma minn Schembri.