Melvin Theuma taħt osservazzjoni wara operazzjoni f’qalbu

Miguela Xuereb

Read in English.

Melvin Theuma, meqjus bħala s-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia saritlu operazzjoni f’qalbu u bħalissa jinsab rikoverat fl-Isptar Mater Dei. Dan kien ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn sorsi infurmati.

Theuma ddaħħal l-isptar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fejn fi stqarrija l-Pulizija qalet li dan ma kienx relatat mal-każ li seħħ fil-21 ta’ Lulju.

Fit-30 ta’ Awwissu 2020:
Melvin Theuma jiddaħħal l-isptar

Theuma ammetta li kien is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista, u x-xhieda tiegħu serviet biex ikun implikat Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil. Melvin Theuma ngħata maħfra Presidenzjali biex iservi bħala evidenza lill-Istat f’Diċembru 2019.

Sorsi kkonfermaw ukoll ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet li lil Theuma tteħdulu aniogram u X-ray tal-vini, li minnhom irriżulta li kellu bżonn molla (stent). Bħalissa huwa jinsab rikoverat l-Isptar taħt osservazzjoni stretta.

Melvin Theuma kien ittieħed l-Isptar fil-21 ta’ Lulju wara li nstab b’diversi ġrieħi fl-appartament tiegħu fis-Swieqi, fejn skont il-Pulizija huwa kien sofra minn daqqiet b’arma bil-ponta li kien għamel lilu nniffsu.