Illum kompliet l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dalgħodu fil-Qorti tela’ jixhed is-sensar Melvin Theuma.
11:36 Grazzi talli segwejtu dan il-live blog.
11:35 Il-media tintalab toħroġ mill-awla għaliex l-avukati Camodini Cachia u Azzopardi xtaqu jindirizzaw lill-imħallfin bil-magħluq.
11:34 Is-seduta li jmiss hi skedata għall-Ġimgħa 19 ta' Ġunju fid-9:30 am.
11:32 Is-seduta tal-lum tieqaf hawn.
11:30 Il-bord tal-inkjesta talab lil Theuma li jista' jkun jerġa' jissejjaħ biex jixhed f'din l-inkjesta pubblika.
11:29 Ix-xiehda ta' Melvin Theuma tieqaf hawn.
11:28 Waqt li kien qed jibki, Theuma kompla jgħid li jiddispjaċih immens ta' dak li għamel. Hu kien qed iwieġeb għall-mistoqsija tal-bord jekk iħossux dispjaċut li għamel li għamel.
11:28 Il-bord qal lil Theuma li sew għamel.
11:26 Mistoqsi mill-bord tal-inkjesta kif iħossu llum, Theuma qal li sat-Tnejn stess mar ir-Rabat is-seminarju biex ikellem lill-Monsinjur Deguara biex iqerr u jitqarben.
11:24 "Jien kont nibża' meta kienu jsiru l-protesti tas-soċjetà ċivili" qal Theuma.
Hu kompla jispjega kif Fenech kien jgħidlu li Daphne għandha 4,000 persuna warajha.
11:23 Il-familja Caruana Galizia tbissmu b'mod sarkastiku xhin Theuma qal hekk.
11:22 Melvin Theuma emozzjona ruħu.
11:21 "Jien ħajti spiċċat fit-3 pm fis-16 ta' Ottobru tal-2017" – Theuma
11:20 Theuma qal li kien iħallaslu ħafna affarijiet Fenech.
"Kont ngħidlu iva f'kollox u llum naf xi ssarraf kemm-il darba li għedtlu iva" – Theuma.
11:19 Azzopardi staqsa jekk kienx iħossu obbligat lejn Yorgen Fenech biex għamel li għamel.
11:16 Azzopardi qed jistaqsi lil Theuma li jekk kienx qal lill-Pulizija li hu kien kera appartament lill-aħwa Degiorgio fil-Mosta u li dan kien intuża għal skopijiet ulterjuli.
11:15 Azzopardi qed jerġa' jistaqsi lil Theuma dettalji li diġà ħarġu waqt il-kumpilazzjoni.
11:12 Hu l-avukat Jason Azzopardi li bħalissa qed jistaqsi lix-xhud.
11:08 Ġieli semmielu li mar il-Bangladesh u l-Azerbaijan.
11:07 Theuma qed jgħid li lejn l-aħħar 4 jew 5 xhur qabel ġie arrestat kien iwasslu bil-private jet u ġieli siefer lejn Dubaj.
11:07 L-avukat Therese Comodini Cachia qed tistaqsi lix-xhud dwar it-3 laqgħat ma' Yorgen Fenech u Johann Cremona.
11:04 Theuma kompla jgħid li wara beda jisma' ħafna fosthom li kienu jsemmulu Johann Cremona u Yorgen Fenech.
11:03 "Jekk toħroġ li jkun hemm persuna oħra li tatni l-flus biex isir il-qtil apparti Yorgen Fenech, nitlob lill-President li mhux il-maħfra jneħħili imma jagħtini l-forka, għaliex jien Yorgen Fenech biss tani l-flus" – Melvin Theuma.
11:00 Theuma qed jerġa' jsemmi wkoll dak li diġa' xehed fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, li l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat kienu qalu fil-vann tal-ħabs, wara seduta li kellhom, li se jwaħħlu f'Cardona. Dan id-diskors kien ġie rrekordjat mill-gwardjani tal-ħabs qal Theuma u li dan kollu qalulu Yorgen Fenech.
10:58 "Fuq Cardona tant kemm kienu jsemmuh imma ġieli kelli d-dubji tiegħi kemm hu involut għax jien dejjem ma' Fenech tkellimt" – qal Thuema.
10:53 Theuma reġa' qal kif hu qatt ma ltaqa' ma' Cardona jew ma' nies viċin Cardona.
"Jien Yorgen Fenech biss bagħatni bil-flus għall-qtil" – Theuma.
10:52 Melvin Theuma qed ikompli jixhed li lilu kienu jgħidulu biex jekk jarrestawh jgħid li Chris Cardona kien.
10:51 Theuma qal ukoll li Camilleri kien qallu ħażin għax dak hu n-numru tal-mandant tal-qtil.
"Dakinhar irvellajt u għedtlu li l-mandant hu Yorgen Fenech ta' Tumas. Dan għedtu quddiem Johann Cremona" – qal Theuma.
10:50 Theuma qed jirrakkonta kif darba minnhom kien fl-uffiċċju ta' Cremona u kien hemm ukoll Kenneth Camilleri li wrieh 3 numri tal-mobile u li wieħed minnhom kien ta' Theuma – kien numru antik li kien juża fil-passat.
10:48 Il-bord staqsa meta Johann Cremona sar jaf li Fenech hu involut.
10:47 Theuma qal li f'dawn il-laqgħat Johann Cremona kien jipprova jikkalmani flimkien ma' Yorgen Fenech.
10:45 Theuma qal wkoll li Johann Cremona kien jaf li Yorgen Fenech kien ordna l-qtil għaliex kienu saru 3 laqgħat miegħu wara l-qtil- waħda f'Portomaso u 2 oħra f'Ħaż Żebbuġ.
10:43 Thuema qed jgħid kif Fenech u Johann Cremona kienu jgħidulu ħafna affarijiet fosthom fuq ir-raid u li se jtuh lista tal-postijiet fejn se jagħmlu raid il-Pulizija u l-mistoqsijiet li se jistaqsuh u li fuq il-qtil mhux se jiġi arrestat. Imma dan kollu qatt ma seħħ, qal Theuma.
10:42 Theuma qal li meta kien jiġi interrogat qatt ma kien hemm Silvio Valletta imma dejjem Kurt Zahra u Keith Arnaud.
10:39 Il-bord staqsa jekk Fenech ippruvax jikkomunika miegħu wara l-arrest ta' Theuma.
10:37 Theuma qed jgħid lill-bord tal-inkjesta kif jista' jkun li Vince Muscat qed jikxef kollox jekk hu qatt ma ltaqa' miegħu.
Għalhekk ma stajtx nifhem kif il-Koħħu kien qed jikxef, skont kif qallu Fenech, qal Theuma.
10:32 Theuma qed jgħid li Yorgen Fenech kien jgħidlu wkoll li jekk huma jibqgħu magħqudin ikunu siguri imma jekk jiġġieldu se jkollhom il-problemi.
10:31 Melvin Theuma qed jgħid li Fenech kien qallu li mexa sew u kif suppost fil-ftehim tal-Electrogas imma kien iħossu ġo gaġġa minħabba l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
10:30 Il-bord tal-inkjesta staqsa lil Theuma jekk kienx jaf bil-ftehim tal-Electrogas.
10:30 Melvin Theuma qed jgħid ukoll li Yorgen Fenech mhux dejjem kien jgħidlu kollox u li llum qed jirrealizza dan aktar.
10:25 "Fenech aktar jafda lil Keith Schembri milli lil Silvio Valletta" – qal Theuma
10:22 Theuma qal li Casa kien qed jitkellem ħafna fuq 17 Black u Fenech għalhekk offra l-flus.
"Imma jien ma kontx naf x'inhi eżatt 17 Black" – qal Theuma.
10:19 Theuma qal li Fenech kien anke offra flus lill-PN biex ma jitlax l-MEP David Casa.
10:15 Theuma qed jerġa' jsemmi kif kien ra lil Silvio Valletta meta darba minnhom kien qiegħed għand Fenech ir-razzett f'Ħaż-Żebbuġ.
10:13 Theuma qed jgħid kif Fenech ġieli ċempel lil Keith Schembri quddiemu.
Ikkonferma dan billi qal li darba Fenech kien urih ritratt li għaddielu Keith Schembri li kien qed isajjar fenek dak il-ħin.
10:11 Bħalissa qed isemmi meta hu kien mar Kastilja biex ingħata impjieg mal-gvern.
10:10 Theuma qal li Fenech ma kienx jgħidlu x'kien imur jagħmel Kastilja.
10:10 Qabel ma ngħata l-istruzzjonijiet biex tinqatel Daphne, Theuma kien iwassal ħafna drabi lil Yorgen Fenech Kastilja.
10:08 Theuma xehed ukoll li Fenech kien ċempillu matul dik il-ġimgħa biex iwasslu l-ajruport u kif wasslu Fenech ħareġ €150,000 u qabel telaq qallu dawn għall-qtil.
10:07 Theuma għaddha lil Fenech €300,000, li Fenech kien rebaħ minn imħatri fuq l-elezzjoni.
10:06 Theuma reġa' semma kif dakinhar li ntrebħet l-elezzjoni mill-Partit Laburista kien ċempillu u qallu biex imexxi dwar il-qtil.
10:05 Sadanittant tħabbret l-elezzjoni ġenerali tal-2017 u Fenech qallu biex għalissa waqqaf kollox.
Theuma qallu m'hemm xejn xi nwaqqaf għaliex ma beda xejn.
10:03 Theuma qed jerġa' jsemmi kif kien iltaqa' ma' wieħed mill-aħwa Degiorgio u li kienu talbuh €150,000.
Informa lil Fenech u qallu issa nkellmek.
10:01 Melvin Theuma kompla jixhed li hu jaħseb li Fenech qabbad lilu għax kien jaf lid-Degiorgios.
10:01 Theuma qal li le ma kienx staqsieh jekk jafx x'kien qed jagħmel.
10:00 Il-bord staqsa lil Theuma jekk kienx staqsa lil Fenech għalfejn ried joqtol lil Daphne.
09:58 Skont Theuma, Fenech qallu li jrid joqtolha għax se toħroġ informazzjoni dwar iz-ziju tiegħu.
"Fil-verità mbagħad l-affarijiet inbiddlu", qal Theuma
09:57 Theuma qal li ma rrealizzax is-sitwazzjoni kemm hi gravi.
09:56 Il-bord staqsa lil Theuma kif ħassu meta Fenech qallu dak li jrid jagħmel.
09:55 Iltaqa' miegħu fejn il-Blue Elephant u Fenech qallu jgħinu għax irid joqtol lil Daphne Caruana Galizia.
09:54 Dakinhar li kellmu dwar xi jrid jagħmel Theuma kien għadu kemm spiċċa mix-xogħol minn Portomaso, mar id-dar daħħal il-karozza fil-garaxx u ċempillu Fenech.
Theuma qal li ma kellux aptit imma mar.
09:52 Theuma qal li meta kien avviċinah Fenech hu ma kienx jaf lil dawk li kien qabbdu maghhom.
09:50 Theuma qal li kien iqis lil Fenech bħala ħabib kbir tiegħu.
"Tant kont miġbud lejh, konna nsiefru, daħħalli t-taxi Portomaso, kien iħallasli s-safar", qal Theuma.
09:49 Il-bord staqsa lill-Theuma kemm ilu jaf lill-Yorgen Fenech.
Theuma qal li fuq seba' snin ilu jafu żgur kemm ilu jaġdem bit-taxi quddiem il-lukanda Hilton.
09:48 Il-bord ta' inkjesta jwissi lix-xhud, bħala proċedura normali, biex jgħid il-verita' inkella jitlef il-maħfra presidenzjali.
09:45 Is-sensar Melvin Theuma ntalab jidħol fl-awla biex jibda jixhed.
09:44 Il-Qorti qablet li dan jista' jsir f'seduta oħra.
09:44 L-avukat Azzopardi qal li ġibditlu l-attenzjoni dwar dan is-sinjura Corinne Vella.
09:42 L-avukat Azzopardi qed jitlob lill-bord tal-inkjesta biex jerġa' jinstema parti minn rekording partikolari li nstema' f'seduta fi Frar li għadda.
09:42 Is-seduta se tibda issa.
09:41 Theuma kien irrekordja l-konverżazzjonijiet li kellu ma’ Yorgen Fenech.
F’dawn il-konverżazzjonijiet huma kienu qed jirreferu għal Silvio Valletta bħala, “Valletta l-oħxon”.
09:40 Illum, mistenni jixhed is-sensar fl-assassinju Melvin Theuma
09:39 Silvio Valletta li kien id-deputat Kummissarju tal-Pulizija kien ġie ordnat biex jieqaf jinvestiga l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wara li l-Qorti Kostituzzjonali sabet li d-drittijiet fundamentali tal-familja Caruana Galizia ma ġewx ikkunsidrati.
09:37 Fl-aħħar seduta li saret it-Tnejn li għadda, l-Aġent Kummissarju Carmelo Magri qal li l-ebda apparat elettroniku bħal-laptops jew mowbajls tal-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta, ma ġew elevati biex jiġu investigati.
09:36 L-avukat Therese Comodini Cachia li wkoll qed tirrappreżenta l-familja Caruana Galizia għadha kemm daħlet fl-awla numru 20.
09:35 L-inkjesta pubblika kellha tibda fid-9:30 am.
09:33 L-inkjesta pubblika qed tinstema' quddiem l-Imħallef Emeritu Michael Mallia u l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro bħala membri tal-bord ta' inkjesta.
09:30 L-avukat Jason Azzopardi jinsab preżenti fl-awla. Anke membri tal-familja ta' Daphne Caruana Galizia huma preżenti.
09:30 Il-ġurnalisti daħlu fl-awla numru 20.
09:28 L-għodwa t-tajba.
Nilqagħkom għal dan il-live blog ta' Newsbook.com.mt