Theuma ma gidibx li kien impjegat tal-Gvern; Cutajar imur għand il-Pulizija

Aġġornat 09:29 PM

Read in English.

Melvin Theuma, is-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien verament impjegat mal-Gvern b’kuntratt Full Time indefinit. Hu kien impjegat mal-“Housing Maintenance and Embellishment Co” bħala xufier.

Dan jidher f’dokument, mhemuż ma’ dan l-artiklu. Id-dokument kien ippublikat fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Xarabank. Theuma ġie impjegat f’Jum il-Ħaddiem f’Mejju tal-2017, fl-istess jum meta Joseph Muscat ħabbar l-elezzjoni ġenerali.

Dan jikkonferma dak li xehed Theuma fil-Qorti u jpoġġi taħt skrutinju qawwi dak li qal l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, bl-istqarrija tagħti l-impressjoni li Theuma gideb taħt ġurament.

L-Erbgħa filgħaxija, is-sit Lovin Malta rrapporta li Mario Cutajar ammetta li Melvin Theuma kien impjegat mas-settur pubbliku u li għadda l-informazzjoni kollha lill-Pulizija.

Theuma kien ingħata l-maħfra presidenzjali bil-patt u l-kundizzjoni li jgħid il-verità kollha fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u tliet każijiet oħra separati.