Melvin Theuma jitmexxa għas-sala tal-ENT

Miguela Xuereb

Read in English.

Is-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma, tmexxa mis-sala tal-ITU għal dik tal-ENT.

Dan qalitu l-Pulizija fi stqarrija fejn tat aġġornament dwar il-kundizzjoni preżenti ta’ Theuma wara li dan, allegatament, ipprova joqtol lilu nniffsu fil-ġimgħat li għaddew. Il-Pulizija spjegat li l-kundizzjoni tiegħu baqgħet stabbli u b’hekk tmexxa mit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Fil-21 ta’ Lulju, Theuma nstab fil-kamra tas-sodda tal-appartament tiegħu b’diversi ġrieħi f’għonqu u f’żaqqu wara li pprova jweġġa’ lilu nnifsu serjament.

Is-Sibt, it-Times of Malta rrappurtat li Theuma xejjen kull dubji tal-investigaturi li seta’ kien hemm attentat fuq ħajtu. Ġie rrappurtat ukoll li Theuma kkomunika mal-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima u taha żewġ raġunijiet għall-ġest li wettaq. Skont il-gazzetta Theuma qal li hu ħass rimors kbir għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll li jinsab dispjaċut li mhux emmnut.

Theuma li ma jistax jitkellem, wera suba’ ‘l isfel bħala ġest li mhux minnu meta mistoqsi jekk kienx hemm attentat fuq ħajtu jew ġie mġiegħel ineħħi ħajtu b’idejh. Hu kiteb li qed jidħku bih meta rrefera għall-fatt li mhux qed jiġi emmnut.