Melvin Theuma jinħareġ mill-isptar

Miguela Xuereb

Read in English.

Melvin Theuma, is-sensar fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nħareġ mill-Isptar Mater Dei. Dan tħabbar fi stqarrija tal-Pulizija. Theuma ddaħħal l-isptar nhar il-Ħadd li għadda minħabba uġigħ f’sidru.

Fit-30 ta’ Awwissu 2020:
Melvin Theuma jiddaħħal l-isptar

Jidher li Theuma kellu jagħmel intervent mediku għall-kundizzjoni li jbati minnha. Fil-fatt sarlu angiogram u rriżulta li kellu bżonn molla (stent). Hu kien jinsab rikoverat l-isptar taħt osservazzjoni stretta.

Ġie ċċarat anke fi stqarrija mill-Korp tal-Pulizija li din il-kundizzjoni medika mhix relata mal-inċident li seħħ fid-dar tiegħu fis-Swieqi f’Lulju li għadda. Dakinhar il-Pulizija qalu li huwa kien sofra minn daqqiet b’arma bil-ponta li skont il-Pulizija kien għamel lilu nniffsu.

Theuma kien iddikjara fil-Qorti li kien jgħaddi l-flus lit-tliet irġiel li huma akkużati li poġġew il-bomba mal-karozza ta’ Caruana Galizia, allegatament mgħoddija lilu minn Yorgen Fenech. Huwa ngħata l-maħfra presidenzjali biex ikun jista’ jservi ta’ evidenza għall-Istat f’Diċembru 2019.