Filmati: Melvin Theuma “jweġġa’ lilu nnifsu serjament”

Fis-Swieqi fejn joqgħod Melvin Theuma: https://bit.ly/30BXepQ

Posted by Newsbook.com.mt on Tuesday, July 21, 2020

Read in English.

Melvin Theuma, li għandu l-proklama biex jixhed fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne
Caruana Galizia, ittieħed l-isptar illejla fejn qed isofri minn ġrieħi serji. Il-Pulizija qalet li l-ewwel indikazzjonijiet juru li Theuma weġġa’ lilu nnifsu.

Theuma kien se jixhed waqt is-seduta ta’ għada fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista. Il-maħfra presidenzjali li ngħata Theuma biex jikxef l-informazzjoni kollha li kellu dwar il-każ, kienet mistennija tiġi preżentata fil-Qorti fis-seduta ta’ għada l-Erbgħa. Għada, Theuma kien mistenni jixhed dwar rikording, li skont l-avukati ta’ Fenech, is-sensar fl-assassinju kien għadu ma xehedx dwaru.

X’ġara fis-Swieqi t-Tlieta filgħaxija?

Il-kommossjoni nqalgħet ftit wara d-9pm, fi Triq is-Sirk, hekk kif skont stqarrija tal-Pulizija, l-avukat ta’ Theuma ma setgħetx tistabbilixxi kuntatt miegħu, li nġibdet l-attenzjoni tal-Pulizija mill-istess avukat. Immedjatament, il-pulizija li tkun għassa fuq barra tar-residenza ta’ Theuma l-ħin kollu, daħlet fir-residenza flimkien ma’ mart Melvin Theuma u sabet lil Theuma jsofri minn ġrieħi.

Skont rapporti fil-midja, Theuma weġġa’ lilu nnifsu b’sikkina u li nstab mitluf minn sensih.

Minnufih intalbet għajnuna medika u Theuma ttieħed l-Isptar Mater Dei. Fuq il-post waslet ukoll ambulanza oħra f’każ ta’ bżonn. Il-pulizija qed ikellmu lill-ġirien biex jippruvaw jistabbilixxu aktar dettalji dwar il-każ.

Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Astrid Grima. Għall-ħabta tal-11.30pm beda l-aċċess mill-esperti forensiċi fir-residenza ta’ Melvin Theuma, filwaqt li Theuma kien qed jiġi operat fl-Isptar Mater Dei. Skont sorsi infurmati, Theuma għandu feriti f’żaqqu u f’għonqu.

Preżenza qawwija ta’ pulizija ddominat Triq is-Sirk, fejn fost l-oħrajn kien hemm ukoll l-Ispettur Keith Arnaud, li hu l-investigatur ewlieni fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Caruana Galizia.