Melvin Theuma jerġa’ jibda jitkellem – rapport

Miguela Xuereb

Read in English.

Is-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma qed jerġa’ jibda jitkellem. Dan skont rapport ippubblikat dalgħodu fil-ġurnal Times of Malta.

Theuma li huwa x-xhud prinċipali fil-każ tal-assassinju, jinsab għall-kura fl-ENT Ward fl-Isptar Mater Dei hekk kif il-kundizzjonji tiegħu baqgħet stabbli. Theuma, allegatament, ipprova joqtol lilu nniffsu fil-ġimgħat li għaddew. Hu għamel perjodu f’kundizzjoni kritika fl-ITU, iżda fis-27 ta’ Lulju kien stabbli biżżejjed sabiex jitmexxa f’ward oħra.

Il-ġurnal Times of Malta qal li skont diversi sorsi, issa s-sensar tal-assassinju jista’ jkollu konverżazzjoni mingħajr bżonn ta’ għajnuna. Fil-21 ta’ Lulju, Theuma nstab fil-kamra tas-sodda tal-appartament tiegħu b’diversi ġrieħi f’għonqu u f’żaqqu wara li pprova jweġġa’ lilu nnifsu serjament.

Sors tal-ġurnal qal li t-ton tal-vuċi ta’ Theuma huwa baxx u l-vuċi tiegħu għadha ftit maħnuqa, iżda qed jitkellem mingħajr bżonn ta’ għajnuna. Qal li Theuma qed ikollu konverżazzjonijiet sħaħ, inkluż mat-tim mediku tiegħu.

Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali sabiex jiżvela dak kollu li kien jaf fejn jidħol il-qtil tal-ġurnalista. Huwa weġġa’ lilu nnifsu ftit sigħat qabel ma kien se jixhed waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista. Il-maħfra presidenzjali li ngħata Theuma biex jikxef l-informazzjoni kollha li kellu dwar il-każ, kienet mistennija tiġi ppreżentata fil-Qorti.