Melvin Theuma għadu f’qagħda stabbli fl-ITU

Miguela Xuereb

Read in English.

Melvin Theuma għadu f’qagħda stabbli, iżda għadu qed jinżamm fis-Sala tal-Kura Intensiva (ITU) fl-Isptar Mater Dei.

Dan tħabbar mill-Pulizija llejla.

Melvin Theuma huwa s-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Nhar it-Tlieta li għadda, huwa nstab fil-kamra tas-sodda tal-appartament tiegħu b’diversi ġrieħi f’għonqu u fi jdejh wara li pprova jweġġa’ lilu nnifsu serjament.

Ilbieraħ, it-Times of Malta rrappurtat li Theuma xejjen kull dubji tal-investigaturi li seta’ kien hemm attentat fuq ħajtu. Ġie rrappurtat ukoll li Theuma kkomunika mal-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima u taha żewġ raġunijiet għall-ġest li wettaq. Skont il-gazzetta Theuma qal li hu ħass rimors kbir għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll li jinsab dispjaċut li mhux emmnut.

Theuma li ma jistax jitkellem, wera suba’ ‘l isfel bħala ġest li mhux minnu meta mistoqsi jekk kienx hemm attentat fuq ħajtu jew ġie mġiegħel ineħħi ħajtu b’idejh. Hu kiteb li qed jidħku bih meta rrefera għall-fatt li mhux qed jiġi emmnut.