Melita tniedi melita.io biex toffri konnettività IoT madwar l-Ewropa

Read in English.

Melita Limited nediet melita.io; marka ġdida ddedikata għat-twassil tal-konnettività Machine to Machine (M2M) u tal-Internet of Things (IoT) lil negozji madwar l-Ewropa. Dan l-iżvilupp ipoġġi lill-melita.io f’settur li qed jikber b’mod mgħaġġel, li jipprovdi soluzzjonijiet li jinkludu pakketti multipli maħluqa għall-operat tal-IoT, għażliet varji ta’ konnettività u portal iddisinjat speċifikament għall-immaniġġjar tal-konnettività IoT.

F’dawn l-aħħar xhur, Melita diġà bniet bażi ta’ klijenti fis-settur tal-IoT, b’mod partikolari f’Malta, l-Italja u l-Ġermanja. Qed ikunu pprovduti servizzi linnegozji li joperaw f’setturi bħall-ippuwljar ta’ karozzi (car-pooling) u l-immaniġġjar ta’ flotot, l-immaniġġjar tal-iskart, u l-kura tas-saħħa diġitali. F’Malta, id-disponibbiltà ta’ kopertura IoT b’Narrowband (NB-IoT) għandha aktar vantaġġi li jestendu l-possibbiltajiet tat-teknoloġija IoT.  Dawn jinkludu li jkunu kapaċi jgħaqqdu sensors taħt l-art fi spazji bħalma huma kantini jew parkeġġi tal-karozzi jew li jiffaċilitaw l-użu ta’ sensors b’konsum ta’ enerġija baxxa ħafna li jistgħu joepraw b’batteriji li jkollhom ħajja sa 10 snin.

Harald Roesch, il-Kap Eżekuttiv ta’ Melita, qal, “L-ikbar benefiċċju ta’ IoT hu l-kisba fl-effiċjenza li tiġġenera. Pereżempju, jekk il-magni f’fabbrika għandhom il-konnettività, dawn ikunu jistgħu juruk meta jkollhom bżonn manutenzjoni. Dan ifisser li x-xogħol ta’ manutenzjoni jseħħ biss meta jkun meħtieġ, mingħajr il-ħtieġa ta’ kontrolli regolari u b’hekk ikunu ffrankati ħin u spejjeż. Permezz ta’ servizzi bħal dawn, Melita qed timplimenta l-istrateġija tagħha biex tippermetti lill-klijenti tagħna jħaddnu l-ekonomija diġitali, issa u fil-futur. “

Fost użu ieħor ta’ IoT, li dalwaqt jistgħu jsiru komuni, hemm dwal tat-traffiku intelliġenti li jadattaw għall-kundizzjonijiet tat-traffiku instantanjament u b’hekk itejbu l-fluss tal-vetturi, u sistemi ta’ tisqija li jinxtegħlu u jintfew meta tassew ikunu meħtieġa, inaqqsu l-ħela tal-ilma u jtejbu r-rendiment agrikolu.

Malcolm Briffa, Direttur tas-Servizzi għan-Negozju  ta’ Melita, żied, “Il-pjani u l-portal tal-immaniġġjar tagħna huma maħsuba biex ikunu sempliċi u trasparenti. Għażilna b’attenzjoni l-karatteristiċi essenzjali meħtieġa biex il-klijenti jimmaniġġjaw in-negozju IoT tagħhom mingħajr ma tiżdied il-kumplessità ta’ sistemi proprjetarji (proprietary systems) akbar. M’hemmx diffikultà biex jintgħażlu l-aħjar pjan u għażliet, u ladarba klijent ikun illoggjat fil-portal, il-proċess hu intuwittiv u għalhekk faċli ħafna biex jintuża.”

Iktar tagħrif dwar il-pjani tal-konnettività IoT melita.io u l-portal tal-IoT huma disponibbli mill-websajt.

Dan il-kontenut huwa mwassal minn Melita/BPC