Mela darba fil-Kastell …

F’Mejju li ġej il-Palazz tal-President se jinbidel fi ħrafa!

L-attività li jisimha Mela Darba Fil-Kastell se tkun imqassma fuq jumejn fejn it-tfal u l-ġenituri jkunu jistgħu jqattgħu mumenti sbieħ f’atmosfera tal-ħolm.

Il-Palazz tal-Verdala se jkun imlibbes u mimli b’karattri li joħolmu dwarhom it-tfal fosthom Cinderella, Goldilocks, Harry Potter , Rapunzel, Robin Hood u ħafna oħrajn. Il-karattri se jkunu qed jilħqu etajiet differenti u kull karattru se jagħti esperjenza differenti, bħal jirrakkontaw storja, logħob u maġija.

Fil-ġonna ta’ madwar il-Palazz ser ikunu għaddejjin diversi attivitajiet oħra, bħal logħob bil-qaws u qbiż ta’ ostakli li se jkunu mmexxija minn karattri bħal ta Hercules u Robin Hood. 

Tema oħra se tkun ta’ Alice in Wonderland u t-Tea Party li se tkun qed torganizza u flimkien ma’ Superheroes l-iktar popolari mat-tfal se jagħtu tips lit-tfal kif  huma wkoll jistgħu jkunu superheroes.

Il-President George Abela spjega li ntgħażel il-weekend ta’ Jum l-Omm u din l-attività se tkun mifruxa fuq is-Sibt 11 u l-Ħadd 12 ta’ Mejju u qed tittella’ b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Is-Sibt filgħaxija se jiġi organizzat kunċert b’kantanti popolari li jkantaw diski popolari fost it-tfal foshtom Hannah Montana u One Directions fost oħrajn.

Il-ġurnata tal-Ħadd se tkun iddominata mill-logħob, ikel u divertiment fejn it-tfal se jipparteċipaw f’dak kollu li jkun għaddej fil-Palazz.

Kull min jixtieq jaqta’ l-biljetti minn qabel jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq 21226226.

 

Ritratti: DOI : Clodagh Farrugia O'Neil