Mela Darba… Assemblea Ġenerali 2019

L-Isqof Awżiljarju Joe Galea Curmi jindirizza l-Laqgħa Ġenerali tal-Azzjoni Kattolika Maltija

Nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru, fl-Istitut Kattoliku kienet organizzata l-Assemblea Ġenerali tal-Azzjoni Kattolika Maltija. Din is-sena kienet waħda speċjali għall-membri tal-għaqda għax kienet ukoll parti miċ-ċelebrazzjonijiet tad-90 Anniversarju.

L-Assemblea Ġenerali bdiet billi l-membri semgħu l-esperjenzi fl-AKM ta’ 9 persuni, ta’ bejn l-10 u d-90 sena, biex setgħu jifhmu aħjar il-ġrajjiet  li għaddiet minnhom l-Azzjoni Kattolika fid-disgħin sena li ilha mwaqqfa f’Malta.

Josef DeBono, il-President Nazzjonali tal-Azzjoni Kattolika Maltija tenna li dawn l-aħħar 90 sena mhux biss jirrakkontaw storja iżda ukoll juru ħeġġa għal dak li ġej, għax hu iktar importanti minn dak li diġà għadda. Fakkar li kull jum ġdid hu opportunità biex inħobbu aktar u ningħataw iżjed għas-servizz għall-oħrajn.

Għalhekk din is-sena ingħażlet it-tema “Mela Darba…” għax spiss, in-nies jibdew l-istejjer u l-esperjenza tagħhom b’dawn il-kelmiet. Imma x’hemm differenti bejn il-“Mela Darba” tal-istejjer u l-ħrejjef, u l-“Mela Darba” tal-Azzjoni Kattolika?

Responsabbiltà

Fl-Azzjoni Kattolika naraw il-mexxejja ta ‘l fuq minn 100 grupp u madwar 50 ċentru madwar Malta, li mhumiex il-protagonisti assoluta tal-istorja tal-grupp tagħhom. Ma jmorrux fil-gruppi biex ifittxu jakkwistaw il-popolarità tagħhom, iżda jaraw li jgħinu lill-persuni fil-grupp jiżvilupp personalment, soċjalment u spiritwalment.

“Ilkoll kemm aħna għandna r-responsabbilità li nibqgħu niktbu din l-istorja”, ħeġġeġ il-President.

Il-President Ġenerali ikkonkulda billi qal li l-istorja tal-Azzjoni Kattolika tibda bil-“Mela Darba”, iżda ma tintemmx bil-‘they lived happily ever after’. Anzi, l-istorja tal-Azzjoni Kattolika ma tintemmx. Irridu nagħrfu li mhix l-istorja tagħna. Irridu inkunu Azzjoni Kattolika miftuħa, speċjalment għall-bżonnijiet tal-iżgħar fost dawn ħutna.

Monsinjur Isqof Joe Galea Curmi indirizza lill-membri preżenti. Huwa awgura ħafna iktar snin ta’ preżenza fil-Knisja u fis-soċjetà u ta’ appostolat. Huwa semma ukoll l-esperjenzi tal-ġenituri tiegħu fl-istorja tal-Azzjoni Kattolika Maltija.

L-Isqoq Awżiljarju ħeġġeġ u nkoraġixxa ħafna lill-Azzjoni Kattolika biex tkun preżenti fil-Knisja u fis-soċjetà Maltija. Semma l-bżonn tal-preżenza tal-Azzjoni Kattolika biex tkun inqas Knisja klerikali, biex il-Knisja tagħraf ir-rikkezza kbira li għandha permezz ta’ tant lajċi u kemm hu importanti li l-Azzjoni Kattolika tgħin fil-formazzjoni ta’ tant lajċi biex jgħinu lis-soċjetà Maltija bl-impenn tagħhom. L-Isqof ibbaża d-diskors tiegħu fuq tlett punti ta’ azzjoni li huma importanti ħafna għall-Azzjoni Kattolika Maltija.

Azzjoni pożittiva

Meta l-Isqof attenda laqgħat u inizjattivi tal-Azzjoni Kattolika anke fl-attivitajiet taż-ŻAK matul dan is-Sajf, ra kif hija azzjoni pożittiva. Hu tenna li kultant ngħixu f’ambjent li jiġbed dak li hu negattiv. Imma meta jħarsu lejkom u jiltaqgħu magħkom n-nies, minnkom trid toħroġ dik l-enerġija pożittiva. Minnkom iridu jisimgħu kelma ta’ tama, kuraġġ u imħabba vera li timlilhom ħajjithom.

Azzjoni Proattiva

L-Azzjoni Kattolika mhux biss għandha tirreaġixxi għall-affarijiet li qed isiru madwarna. L-Azzjoni Kattolika għandha tqiegħed dak li fuqu hemm bżonn li l-bniedem irid jaħseb fuqhom illum għall-konsiderazzjoni tan-nies u tas-soċjetà Maltija.

Azzjoni Propożittiva

L-Azzjoni Kattolika tara x’tista’ tipproponi dak li hu tassew ta’ ġid għas-soċjetà. Fil-qasam tal-ambjent u tar-rispett lejn il-ħolqien, li fuqu ż-ŻAK kienet qed taħdem ħafna matul din is-sena, hemm ħafna li nistgħu nagħmlu, għaliex fuq dak li qed nagħmlu ħażin tista’ titkellem u ma tieqafx, iżda dak li nistgħu nagħmlu aħna u li nistgħu nħeġġu fil-formazzjoni lil dawk li qed ikollna kuntatt magħhom huwa importanti ukoll.