Mel B tiddaħħal l-isptar … ftit jiem biss qabel jibda t-tour ta’ Spice Girls

Ftit żmien biess qabel ma suppost kellu jibda t-tour li jlaqqa’ mill-ġdid il-grupp Spice Girls, ġie rrappurtat li Mel B iddaħħlet b’urġenza l-isptar nhar il-Ġimgħa li għaddiet wara li sostniet li ma kienitx qed tara minn għajnejha l-leminija.

Il-kantanta ta’ 43 sena ġiet rappurtata mill-midja Ingliża li iddaħħlet fil-Moorfields Eye Hospital ta’ Londra u bdiet tgħid li ma kienitx qed tara. Din hija t-tieni d-darba li Mel B mhux tara minn din l-għajn wara li 20 sena ilu kellha laser surgery li fallitilha.

Wara hi ġiet trasferita lejn il-Luton and Dunstable Hospital fejn minnufih it-tobba bdew jeżaminawha u aktar tard ġie rrappurtat li kollox jinsab taħt kontroll.

Tul is-snin tagħhom, Spice Girls biegħu 85 miljun diska kif ukoll kellhom disa’ siltiet li telgħu fil-quċċata tal-klassifika, inkluż is-siltiet Wannabe u 2 Become 1, qabel ma nfirdu fis-sena 2000.

It-tour ta’ Spice Girls jibda nhar l-24 ta’ Mejju f’Dublin u jsegwi b’kunċerti f’Cardiff, Manchester, Coventry, Edinburgh, Bristol u Londra.

Il-kelliema ta’ Mel B qalu li l-kantanta tinsab ħerqana li tibda dan it-tour, li għalih qed jingħaqdu mill-ġdid is-Spice Girls mingħajr Victoria li sostniet li għandha wisq impenji bl-imperu tagħha fil-qasam tal-moda u mhux se jkun possibbli li tagħmel dawn il-kunċerti.