Mekkaniżmu strutturat għall-immigrazzjoni, mhux każ b’każ – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Unjoni Ewropea għandha tadotta mekkaniżmu strutturat għall-immigrazzjoni u ma timxix aktar każ b’każ.

Huwa qal dan illejla fuq l-istazzjoni tal-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Skype. Huwa tkellem ukoll dwar il-laqgħa li saret dalgħodu mal-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni Ylva Johansson.

Adrian Delia insista li għandhom jintbagħtu lura minnufih persuni li ma ħaqqhomx ażil. Il-kumplament jitqassmu f’pajjiżi Ewropej. Adrian Delia qal li min-naħa tagħha, l-Kummissarju Ewropew għall-immigrazzjoni Ylva Johansson qablet.

Il-problema trid tissolva “at source”

Adrian Delia qal ukoll li l-problema trid tissolva fil-pajjiżi li minnhom qed jaħarbu l-persuni lejn l-Ewropa. Huwa qal li mal-Kummissarju saħaq li ċ-ċentri ta’ detenzjoni jinsabu ffullati u r-riżorsi ta’ Malta huma taħt pressjoni kbira. Saħaq li Malta ma tistax tibqa’ titgħabba b’piż ikbar minn dak li qed iġġorr.

Huwa qal li kienet laqgħa pożittiva u stqarr li jekk l-impenn espress illum mill-Kummissarju Ewropew jitwettaq jkun ifisser li jonqos bil-kbir il-piż fuq Malta. Dwar it-tqassim ta’ persuni eleġibbli għall-ażil, Johansson ikkommettiet ruħha li tinsisti fuq livell Ewropew sabiex jiġi stabbilit dan il-proċess b’mod immedjat.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-laqgħa kienet faċilitata minn Roberta Metsola, bħala l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew.