Mejtin għal ftit restawr!

"Talbuni biex nikteb dwar l-istat miżeru tal-erba’ statwi tal-ġebel"

Knisja Sant Wistin
Ritratt minn fionavella.com

Il-ħabib tiegħi Toni flimkien ma’ diversi ħbieb tal-Knisja ta’ Sant Wistin li tinsab fil-qalba tal-belt Victoria u li bħalissa kieku qed tħejji għall-festa tal-Qadddisa tal-Impossibbli Santa Rita, talbuni biex nikteb dwar l-istat miżeru tal-erba’ statwi tal-ġebel, qodma ferm, li jinsabu jżejnu z-zuntier tal-knisja u kunvent ta’ dan il-qaddis Isqof ta’ Ippona.  

Dawn l-istatwi hu maħsub li għandhom ‘l fuq minn mitejn sena u issa jeħtieġu lil xi ħadd kieku biex idurhom dawra qabel ma jkomplu jitmermru għax ikun dnub li jisparixxu ħtija tal-elementi tat-temp.  Il-but tal-Pirjol żgur li ma jlaħħaqx ma’ dawn l-spejjes għax ġa għandu piż biex jieħu ħsieb il-kunvent u l-knisja.  

Nemmen li l-Gvern għandu għal qalbu dak kollu li jżejjen l-imsieraħ u l-knejjes tagħna u għalhekk kieku sew iqabbad lil xi impegati tiegħu biex jagħmlu ftit restawr bil-għaqal biex dawn l-erba’ statwi fosthom Sant Wistin, San Nikola ta’ Tolentino, San Tumas ta’ Villa Nova u l-Madonna taċ-Ċintura jibqgħu jitgawdew minn dawk kollha li jgħaddu minn quddiemhom.  Naf li l-Pirjol ħabbat xi bibien għall-għajnuna imma kollha jidhru li ngħalqulu f’wiċċu.  

Jekk xi ħadd mill-qarrejja jħoss li jista’ jgħin, kemm javviċina lill-Patri Gwardajn Adeodato Schembri li żgur jilqa’ kull offerta għal ġid ta’ dawn l-erba’ statwi li ssibhom jilqgħuk qabel tidħol fil-knisja ħelwa ta’ dawn l-Agostinjani.  

Veru li bħalissa kulħadd jinsab mgħattan ħtija ta’dal-mikrobu imma kif jgħid il-Malti kull laqxa tirfed l-imramma u allura kull għajnuna hija apprezzata. Nirrikorru wkoll lejn l-interċessjoni ta’ dawn ix-xbihat biex jidħlu għalina quddiem is-Sinjur Alla li jiġini d-dubju ħafna minna tawh il-ġenb u jftittxuh biss fil-każ tal-bżonn!

Kav Joe M Attard, Victoria Għawdex