Mejju b’50 siegħa xemx iktar mill-medja

It-temp f’Mejju kien inqas imsaħħab, inqas umdu, iżda b’iktar xita, sħana u isbaħ minn dak li normalment ikun mistenni f’dan il-perjodu.
Skont l-uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-ogħla temperatura f’Mejju laħqet 29.7°Ċ fis-6 tax-xahar. It-temperatura medja f’Mejju kienet 20.7°Ċ, 0.9°Ċ iktar min-norma.
B’kollox 24 minn 31 ġurnata f’Mejju kienu aktar sħan minn dak li normalment ikun esperjenzat f’Mejju. Fit-3, is-6 u s-7 ta’ Mejju t-temperatura massima kienet 5°Ċ aktar mill-medja.
L-iktar temperatura baxxa kienet ta’ 13.2°Ċ fit-30 ta’ Mejju.
B’kollox f’Mejju Malta rat 350.3 sigħat ta’ xemx, ogħla min-norma ta’ 299.1 siegħa. Dan ifisser 50 siegħa xemx iktar mill-medja. L-iktar ġurnata sabiħa kienet it-13 ta’ Mejju li rat 13.3 siegħa ta’ xemx. L-aktar jum mudlam kien il-21 ta’ Mejju bi 3.1 siegħa ta’ xemx.
Ix-xahar li għadda f’Malta niżlet aktar xita mis-soltu meta nġabar total 21.2mm ta’ xita. Dan kien aktar mill-medja ta’ 8.5 millimetru ta’ xita fl-aħħar 30 sena.
Fid-9, fl-10 u fis-17 tax-xahar kellna s-sajjetti.
Il-veloċità tar-riħ kienet tipika għal Mejju, hekk kif ir-riħ nefaħ b’veloċità medja ta’ 8.64 mil nawtiku, bl-aktar direzzjoni frekwenti tkun it-tramuntana.
L-ogħla temperatura li qatt kienet reġistrata matul Mejju kien fl-2006, meta t-termometri telgħu għal 35.3°Ċ fit-23 tax-xahar.
Sadanittant l-iktar lejl kiesaħ f’Mejju kien reġistrat fl-1970, b’temperatura li niżlet għal 8.0°Ċ.