​“Meħtieġ pjan għax hawn 50,000 barrani f’Malta”

L-opinjonista Ranier Fsadni saħaq li fid-dawl tal-50,000 barrani li żiedu l-popolazzjoni Maltija, hemm bżonn ta’ ħsieb u ppjanar fit-tul. Min-naħa tiegħu, Michael Pace Ross li għal diversi snin serva bħala d-Direttur Ġenerali għall-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) stqarr li hemm il-ħtieġa li jiġi kkunsidrat kif din iż-żieda fil-popolazzjoni se taffettwa l-infrastruttura tal-pajjiż f’termini ta’ spazji għall-uffiċini, djar, ilma u elettriku.
Huma kienu qed jitkellmu waqt il-programm Newsline fuq RTK, dwar l-aħħar statistika tal-NSO dwar il-popolazzjoni Maltija.
Ranier Fsadni qal li l-popolazzjoni Maltija qatt ma żdiedet bl-ammonti li qed naraw fl-istorja riċenti. Fisser kif il-popolazzjoni normali għall-pajjiż bid-daqs ta’ Malta, hi ta’ 30,000, u li dan kien il-każ sakemm waslu l-Kavallieri.
Fsadni osserva kif 12%, b'referenza għall-popolazzjoni ta' barranin f'Malta, huwa perċentwal sinjifikanti ta’ nies li qed jiġu esklużi mill-proċess politiku.
Filwaqt li qal li mhux se jikkummenta jekk għandux ikollhom vot jew le, irrefera għall-possibilità li tinħoloq tensjoni minn grupp sinjifikanti ta’ nies li qed jaħdmu u jħallsu t-taxxi lill-Gvern, iżda m’għandhom l-ebda sehem fl-elezzjonijiet.
Semma kif uħud mill-iżvantaġġi tat-tkabbir fil-popolazzjoni huma l-prezz tal-bini u l-kiri ta’ proprjetà. Irrefera għal dan bħala taxxa moħbija fuq iż-żgħażagħ. 
“Iktar nisa milli rġiel jekk inneħħu  l-barranin” – Pace Ross
Fl-istess programm, Michael Pace Ross spjega kif iż-żieda netta, ta’ 10,000, hi waħda bla preċedent fl-istorja riċenti tal-pajjiż.
 “Filwaqt li Malta esperjenzat perjodi fejn ammont sostanzjali ta’ Maltin telqu ‘l barra mill-pajjiż, ma jidhirlix li qatt kien hawn żieda b’dan l-ammont”, kompla jgħid.
Pace Ross saħaq li l-barranin qed jgħawġu d-demografija minħabba li ħafna minnhom għandhom bejn 25 u 44 sena, u hemm iktar irġiel milli nisa. Iżda fisser kif meta wieħed ineħħi dawn it-12%; f’Malta hawn iktar nisa milli rġiel Maltin.
Kompla jgħid li ġeneralment il-barranin idumu Malta għal ammont ta’ snin. Sostna li aktar ma tikber l-industrija tas-servizzi, iktar mistennija tiżided il-popolazzjoni ta’ barranin f’Malta.