“Meħtieġ djalogu Interreliġjuż biex nikkumbattu t-terroriżmu”

Isqfijiet Kattoliċi minn Burkina Faso u n-Niger appellaw għal djalogu aħjar bejn il-komunitajiet Musulmani u Nsara fi sforz biex ikun miġġieled it-terroriżmu.

Il-21 Isqof minn dawn iż-żewġ pajjiżi ltaqgħu mal-Papa Franġisku waqt il-Vista “Ad Limina” li huma obbligati jagħmlu kull ħames snin biex jinfurmaw lill-Papa x’qed jagħmlu fid-djoċesijiet tagħhom u jkollhom ukoll laqgħat ma’ uffiċjali tal-Vatikan.

Is-suġġetti ewlenin li dwarhom tkellmu mal-Papa u lissnu t-tħassib tagħhom kienu is-sigurtà u d-djalogu interreliġjuż.

“Il-Knisja Kattolika hi mdawra b’popolazzjonijiet Musulmani u f’Burkina Faso dawn jagħmlu 60% tal-popolazzjoni.  Għalhekk hu fundamentali li nibnu relazzjonijiet paċifiċi ma’ dawn in-nies”, qal l-Isqof Paul Yemboaro, il-President tal-Konferenza  Episkopali ta’ Burkina Faso u n-Niger.

L-Isqof Laurent Birfuore Dabire mid-djoċesi ta’ Dori li tinsab fit-Tramuntana ta’ Burkina Faso fuq il-fruntiera mal-Mali qal li jinsabu f’reġjun perikoluż u prekarju tant li x-xahar li għadda katekista u martu nħatfu minn waħda mill-parroċċi fid-djoċesi. Fil-fehma tiegħu, minkejja l-atmosfera ta’ insigurtà hemm “koeżistenza paċifika” bejn il-Musulmani u l-Kattoliċi,  li għandu jsir minn kollox biex tinżamm u tkun appoġġjata.  Dak li jgħaqqad in-nies huma l-familja, il-kultura u t-tradizzjonijiet li huma indipendenti mir-reliġjon.

F’Marzu li għadda l-midja rrappurtat li kien hemm grupp militanti li jsejjaħ lilu nnifsu “Sigurtà Iżlamika” u dan qajjem biża’ u allarm kbir fost il-poplu. Aktar kmieni fl-istess xahar saru attakki fuq il-kwartieri ġenerali tal-armata u fuq l-ambaxxata Franċiża li ħallew seba’ persuni mejta. Il-grupp Ġihadista li jsejjaħ lilu nnifsu “Grupp ta’ Appoġġ għall-Iżlam u l-Misilmin” ħa responsabbiltà għal dawn l-attakki.

Il-Konferenza Episkopali u l-Kummissjoni Djalogu Iżlamiku-Kristjan organizzaw numru ta’ laqgħat ta’ djalogu interreliġjuż u biex isibu mezz kif iressqu n-nies ta’ reliġjonijiet differenti lejn xulxin u jiltaqgħu bħal aħwa u jħobbu lil xulxin.

L-Imam li kien mistieden għal dawn il-laqgħat qal li “hi responsabbiltà tagħna li ngħixu flimkien u rridu nitgħallmu kif nagħmlu dan. Dan hu assolutament meħtieġ għax jekk le mhux se nsibu kuntentizza f’din id-dinja”.