Meħlusa mill-arrest is-sieħba ta’ Jordan Azzopardi

Read in English.

Mara arrestata f’rejd li fih inqabad it-traffikant tad-droga Jordan Azzopardi ngħatat il-ħelsien mill-arrest wara xahrejn il-ħabs.

L-omm ta’ 5 itfal li għandha 30 sena ġiet arrestata f’Marzu li għadda qrib appartament fil-Madliena, fejn kienet qed iżżur lil Azzopardi. Il-pulizija segwewha mill-parkeġġ tal-McDonald’s fil-Għargħur. Malli waslet fil-parkeġġ, hija kienet telqet f’karozza oħra u l-pulizija pajżana segwewha sakemm waslet fil-propjetà tal-Madliena. Il-pulizija kienu lemħuha bilqiegħda fil-karozza ta’ Azzopardi dakinhar li arrestawh.

Kien jikri l-villa għal €3,500 fix-xahar

Apparti minnha u minn Azzopardi, il-pulizija kienu arrestaw lil raġel ta’ 66 sena li kien ammetta li kien involut f’każ ta’ flus foloz, li allegatament kien il-pjan ta’ Jordan Azzopardi. Meta ammetta, huwa ngħata s-sentenza ta’ 3 snin ħabs.

Iżda l-mara wieġbet mhux ħatja għall-involviment tagħha fir-reat kriminali, li xerrdet il-flus foloz u ffrodat 3 ħwienet f’San Ġwann u Tas-Sliema, u anke li kellha l-kannabis fil-pussess tagħha.

Il-proċess tal-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Azzopardi u l-mara għadu għaddej, iżda d-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest għaż-żewġ persuni.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest se tinstema’ fis-seduta li jmiss

Ilbieraħ, il-Qorti Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, laqgħet it-talba tal-ħelsien mill-arrest tal-mara, peress li x-xhieda kollha f’dal-każ, ħlief wieħed li qiegħed il-ħabs, xehdu. Hija kkunsidrat ukoll il-kondotta nadifa tal-mara u l-fatt li ftit hemm ċans li l-mara taħrab minn Malta peress li għandha ħamest itfal.

Hija nħelset mill-arrest b’depożitu ta’ €15,000, garanzija personali ta’ €30,000 u bil-garanzija li tiffirma l-għassa kuljum u tidħol id-dar fil-ħin mitlub.