Meħlus mill-arrest wara 5 xhur f’ċella

Raġel ġie meħlus mill-arrest wara li ħames xhur ilu kien instab li qed jaħbi kapsuli tal-kokaina f’saqaf falz tal-kamra tal-banju fil-lukanda ta’ fejn kien qed jgħix.

Il-Franċiż ta’ 33 sena, kien allegatament qiegħed fuq btala qasira f’Malta f’April li għadda, meta membri tal-iskwadra kontra d-drogi marret tfittex fil-kamra tiegħu ġewwa lukanda f’Ta’ Sliema. It-tfittxija f’kamartu bdiet wara li l-pulizija daħlitiha informazzjoni dwar il-każ. Kien il-Franċiż stess li ħallihom jidħlu fil-kamra tiegħu. L-iskwadra sabet ma kważi kilo kokaina f’kapsoli li kienu qegħdin moħbija fis-suffett fil-kamra tal-banju.

Il-Franċiż tħalla joħroġ fuq pleġġ, wara li jħallas depożitu ta’ €5,000 u fuq garanzija personali, jħallas €20,000. Huwa ġie ordnat jiffirma kuljum fl-għassa tal-pulizija.