Megħluba l-aħħar ostakli biex WhatsApp issa hi ta’ Facebook

Id-diriġenti ta’ Facebook għelbu l-aħħar ostaklu biex formalment xtraw l-applikazzjoni WhatsApp.
L-aħħar permess, li għalaq uffiċjalment it-trattivi, ingħata mill-Kummissjoni Ewropea nhar il-Ġimgħa.
Hekk Facebook għalqet il-proċeduri biex issa l-applikazzjoni ta’ messaġġi b’xejn bejn Smartphones hi tagħha, għall-prezz ta’ $22 biljun jew €17-il biljun.
Il-ġgant tal-midja soċjali u l-applikazzjoni popolari kienu laħqu ftehim fi Frar li għadda, imma sakemm inħarġu l-permessi mill-awtoritajiet kollha baqgħu jaħdmu b’mod indipendenti.
WhatsApp tintuża minn iktar minn 600 miljun persuna madwar id-dinja, għalkemm wara l-akkwist tagħha minn Facebook issa wieħed irid jara kif se taħdem.
Bit-trattattiva, il-fundaturi tagħha mistennija jaqilgħu iktar minn €8 biljun bejniethom, għalkemm wieħed minnhom se jifforma parti mill-bord tad-diretturi.
Fis-sena se jkun qed idaħħal biss $1, l-istess bħall-Kap Eżekuttiv ta’ Facebook Mark Zuckerberg.