Meghan Markle tiddisinja lbiesi għall-karità

Meghan Markle, id-Dukessa ta’ Sussex, ħabbret li qed toħloq għażla ta’ lbiesi għax-xogħol li mistennija jkunu għall-bejgħ fil-ħarifa. Dawn l-ilbiesi se jkunu jgħinu l-karità Smart Works ta’ Londra li tgħin lin-nisa bla xogħol billi jgħallmuhom kif japplikaw għal impieg u tipprovdilhom il-ħwejjeġ.

Hija qalet li bħalissa meta tidħol f’xi fergħa ta’ Smart Works issib qabda ħwejjeġ li ma jkunux jaqblu flimkien, f’qisien u kuluri li mhux dejjem ikunu fl-istil tajjeb u f’qisien li ma jkunux tajbin. Biex jgħinuha f’dan il-qasam hi talbet u sabet l-għajnuna ta’ diversi ħwienet minn fejn se tibda tbigħ l-ilbiesi  li toħloq. Fost dawn hemm Marks & Spencer, John Lewis & Partners u Jigsaw.

Biex tgħinha fl-iddisinjar tal-ħwejjeġ sabet lill-ħabiba tagħha Misha Nonoo. Rappreżentant ta’ din id-disinjatriċi qalet li l-ħwejjeġ se jkunu lesti f’Settembru. Nonoo, li twieldet fil-Bahrain imma trabbiet u toqgħod l-Ingilterra, diġà libbset u għamlet ilbiesi fost oħrajn lil  Bella Hadid u Irina Shayk. Hija kienet ukoll mistiedna għat-tieġ ta’ Meghan Markle.

Meghan għamlet ftehim mal-ħwienet imsemmija li meta klijent jixtri libsa minn tagħha, tingħata libsa lill-karità.

“Din tgħinna nifhmu li aħna nistgħu nkunu parti mill-istorja ta’ xulxin u li aħna qegħdin flimkien,” temmet tgħid Meghan.