Meghan Markle ssajjar għall-Prinċep Harry ta’ kuljum

Ħafna jaħsbu li ħajjet Meghan Markle nbidlet drastikament minn mindu żżewġet lill-Prinċep Harry, imma ħbieb tal-koppja li żaruhom fil-Palazz Kensington, fejn joqogħdu, qalu lill-midja li Markle ssajjar għal żewġha kuljum, u tirtokkja lilha nnifisha stess.

Dawn il-ħbieb tal-koppja rjali, li taw intervista anonima lill-magazin People qabżu għal Markle li kemm-il darba spiċċat fit-tir tal-midja internazzjonali.

Huma qalu li l-Palazz Kensington huwa żgħir u kenni, u li Markle sajritilhom kull ġurnata li kienu hemm. Il-Prinċep u d-Dukessa m’għandhomx kok impjegat fil-Palazz, għax Markle mdorrija ssajjar hi.

Komplew jgħidu li Markle tagħmel xagħarha u l-make-up hi stess ta’ kuljum, ħlief fil-ġurnata tat-tieġ meta talbet lil seħibha Daniel Martin biex jgħinha.

Il-Prinċep Harry u d-Dukessa Meghan għandhom jitilqu mill-palazz f’Londra, li hu ftit ‘il bogħod mid-dar tal-Prinċep William u martu Kate, fil-ġimgħat li ġejjin, biex imorru joqogħdu fi Frogmore Cottage f’Windsor, bi stennija għat-tarbija tagħhom.