Medja ta’ qtugħ kuljum tal-ilma minħabba ħsarat

Bejn l-2014 u l-2016 il-każi ta’ qtugħ ta’ ilma żdiedu bi 15%, biż-żieda tkun fil-parti l-kbira sospensjoni minħabba manutenzjoni.
Dan joħroġ minn informazzjoni mogħtija mill-Prim Ministru Joseph Muscat fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco.
Fl-aħħar tliet snin kien hemm madwar 385 sospensjoni fis-servizz tal-ilma minħabba ħsarat, jew medja ta’ ftit iktar minn każ ta’ qtugħ għal kull ġurnata. Is-sospensjonijiet minħabba manutenzjoni żdiedu minn 214 fl-2014 għal 295 fl-2016.
Il-Prim Ministru sostna li l-livelli ta’ sospensjonijiet minħabba manutenzjoni u ħsarat hija fl-istess livell tat-tliett snin ta’ qabel u li 99% tal-qtugħ fil-provvista tal-ilma jkunu ta’ perjodu qasir ħafna u jkunu jaffetwaw triq waħda biss minn raħal jew belt.