Filmat: Medja ta’ €6 miljun fis-sena allokati għall-PBS matul il-5 snin li ġejjin

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li kull sena l-PBS se jkun qiegħed jingħata medja ta’ €6 miljun f’fondi sabiex jintużaw taħt l-obbligazzjonijiet għas-servizzi pubbliċi. Il-Ministru spjega li fix-xhur li għaddew ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Public Broadcasting Services fejn li fih il-Gvern alloka medja ta’ €6 miljun. Huwa spjega li l-fondi se jkunu qegħdin jiżdiedu minn sena għall-oħra.

Dwar l-imparzjalità l-Ministru qal li x-xandir pubbliku għandu jagħti l-opportunità lill-vuċijiet kollha biex iwasslu l-messaġġ tagħhom b’mod imparzjali.

Il-Ministru Carmelo Abela indirizza konferenza organizzata mill-ministeru tiegħu b’kollaborazzjoni mal-Public Broadcasting Services (PBS) dwar il-kwalità fix-xandir pubbliku.

Il-konferenza saret fl-okkażjoni tat-30 sena mindu daħlet fis-seħħ il-liġi tal-pluraliżmu fix-xandir f’Malta. Din il-konferenza laqqgħet flimkien stakeholders fil-qasam tax-xandir u l-produzzjoni fejn matulha tqajmu diversi punti u materji bil-għan li fix-xandir pubbliku b’mod partikolari, titjieb il-kwalità.

Il-Ministru Carmelo Abela kif matul din is-sena l-Public Broadcasting Services qed tibda proċess ta’ tisħiħ li se jsir b’konsultazzjoni sħiħa mal-impjegati u l-istakeholders kollha li permezz tiegħu jrid jiġi żgurat il-kwalità tal-prodott ibbażat fuq il-kwalità, il-professjonaliżmu u l-effiċjenza. Semma li l-PBS għandha tkun il-vetrina tal-passat, il-preżent u l-futur ta’ dan il-pajjiż.

Huwa tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-kontenut tal-programmi fuq l-istazzjonijiet nazzjonali mhux biss iservu ta’ divertiment u informazzjoni, iżda wkoll ta’ pjattaforma biex il-kumpaniji tal-midja jkomplu jikbru u jipproduċu kontenut innovattiv li jissodisfa l-obbligi tal-Public Service Obligation. Dan qed ikun mgħejun anke permezz ta’ allokazzjoni ta’ fondi lejn ix-xandir nazzjonali, li jammontaw għal madwar €30 miljun fuq medda ta’ ħames snin.

Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Public Broadcasting Services Carmen Sammut, fost l-oħrajn, tkellmet dwar kif xandir b’saħħtu jiżgura demokrazija b’saħħitha.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll permezz ta’ messaġġ irrekordjat mid-Direttur Ġenerali tal-European Broadcasting Union Noel Curran.