Medja ta’ 29 serqa bl-armi fis-sena

Bejn 2013 u Ġunju 2020 saru 218-il serqa b’armi li ġew irrapurtati fil-Gżejjer Maltin. L-akbar ammont ta’ serq b’armi sar f’Jannar ta’ din is-sena b’total ta’ 11-il każ.

Matul l-2013 saru total ta’ 26 serqa li kienu jinkludu l-armi filwaqt li matul l-2014 kien hemm 20 każ; l-inqas sena mill-2013 sal-lum.

Matul l-2015 ġie rrapurtat l-aktar ammont ta’ serqiet b’armi li saru matul dawn is-sebgħa snin u nofs b’total ta’ 38 każ. Minn Jannar 2020 sal-aħħar ta’ Ġunju saru total ta’ 21 serqa.

Minn dawn is-serqiet sa Ġunju 2020 ġew solvuti 103 każi. L-2017 kienet is-sena li l-aktar li ssolvew każijiet; 17-il każ filwaqt li 2014 issolvew 9 każijiet.

Fil-Parlament il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li l-każijiet solvuti mhux bilfors ikunu mwettqa fl-istess sena.

Il-Ministru Camilleri kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli dwar kemm-il każ ta’ serq b’armi ġie rrapurtat mill-2013 sa Ġunju 2020.