Medja ta’ 17-il attentat ta’ suwiċidju fix-xahar

Matul dawn l-aħħar 32 xahar kien hemm medja ta’ 17-il suwiċidju fix-xahar. Fl-2018 kien hemm total ta’ 215-il attentat ta’ suwiċidju. Matul s-sena 2018, l-akbar ammont ta’ attentati ta’ suwiċidju kien f’Ottubru b’total ta’ 25 persuna filwaqt li l-inqas xahar li kien hemm attentati ta’ suwiċidju kien f’Diċembru b’total ta’ disa’ persuni.

Fl-2019 kien hemm total ta’ 199 attentat ta’ suwiċidju, li matul is-sena l-akbar ammont ta’ persuni li pruvaw itemmu ħajjithom kien f’Lulju b’total ta’ 25 attentat filwaqt li l-inqas xahar kien Settembru b’total ta’ 10 persuni.

Sa Awwissu ta’ din is-sena kien hemm total ta’ 151 attentat ta’ suwiċidju. Fl-aħħar 8 xhur l-ikbar ammont ta’ persuni li ppruvaw ineħħu ħajjithom b’idejhom kien ta’ 24 f’Jannar u f’Ġunju rispettivament. F’Marzu kienu disa’ l-persuni li pruvaw ineħħu ħajjithom b’idejhom.

59 persuna mietu f’suwiċidju fi 32 xahar

Fl-aħħar 32 xahar fil-Gżejjer Maltin kien hemm 59 persuna li neħħew ħajjithom b’idejhom. Fl-2018 u l-2017 kien hemm total ta’ 23 persuna rispettivament filwaqt li fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena kien hemm total ta’ 13-il persuna.

F’Ġunju tal-2018 kien hemm total ta’ ħames persuni li wettqu suwiċidju, dan kien l-akbar ammont ta’ persuni li temmew ħajjithom matul dawn it-32 xahar. F’Jannar u Novembru 2018, f’Lulju 2019 u f’Mejju 2020 ma ġiet irrapurtata l-ebda mewt ikkawżata minn suwiċidju.

Servizzi disponibbli lil dawk li jkollhom ħsibijiet biex itemmu ħajjithom

Persuna li tibda taħseb biex tneħħi ħajjitha b’idejha hija mħeġġa li tfittex l-għajnuna permezz:

  • Tal-helpline 179 – Dan huwa l-helpline nazzjonali li joffri sapport u informazzjoni lill-persuni li jkollhom bżonn xi għajnuna jew sapport. Dan il-helpline huwa miftuħ 24 siegħa.
  • Is-sit Kellimni.com li hija online chat miftuħa 24 kuljum. Kellimni.com tagħti għajnuna u sapport lil dawk li jkunu jixtiequ jitkellmu ma’ xi ħadd.
  • Richmond Foundation toffri għajnuna lill-persuni li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali. Apparti t-terapija, ir-Richmond Foundation toffri gruppi ta’ sapport għall-persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali, programmi ta’ riabilitazzjoni u assistenza. Wieħed jista’ jagħmel użu mill-helpline 1770 li huwa miftuħ 24 siegħa kuljum.
  • L-isptar Monte Karmeli jipprovdi għajnuna fil-qasam tas-saħħa mentali. Il-professjonijisti jaħdmu f’timijiet multi-dixxiplinarji biex il-persuna tiġi assistitha b’mod olistiku.

Dawn l-istatistiċi ġew ippreżentati mill-Ministru tas-Saħħa fil-Parlament għall-mistoqsija tad-Deputat Godfrey Farrugia.