Medja ta’ 1,862 immigrant fiċ-ċentri miftuħa

F’Malta, fl-aħħar ħames snin, bejn l-2009 u l-2013, kien hemm medja ta’ 1,862 immigrant irregolari fiċ-ċentri miftuħa tal-pajjiż.

L-informazzjoni ngħatat fil-Parlament fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li ta l-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Claudio Grech.

L-iktar sena fost l-aħħar ħamsa li fiha kien hemm immigranti fiċ-ċentri miftuħa tal-pajjiż kienet fl-2009 b’total ta’ 2,783. L-inqas, kien fl-2011 b’total ta’ 1,289 immigrant.

Fil-pajjiż bħalissa hawn għaxar ċentri miftuħa għall-immigranti. L-ikbar wieħed hu dak ta’ Ħal Far imsejjaħ “tent village”, b’446 resident sal-aħħar tas-sena li għaddiet.

Ritratt: Forzi Armati ta' Malta