Mediċina skaduta trid tintrema għand l-ispiżjar mill-lum

Mill-1 ta’ Ottubru, mediċini skaduti jew li mhumiex iżjed ta’ bżonn għandhom jintremew f’kontenituri speċjali għar-rimi. Dawn il-kontenituri qiegħdin fi spiżeriji madwar Malta u Għawdex.

Dan ħabbru il-Ministru għall-Ambjent José Herrera waqt konferenza stampa. Fi stqarrija, ġie spjegat li skart mediċinali jista’ jkun perikoluż għan-nies li jieħdu ħsieb l-iskart u għall-ambjent. Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li r-rimi ta’ mediċini fil-borża s-sewda jew fid-drenaġġ tfisser li se jispiċċaw fl-ilma jew fil-ħamrija.

Fearne żied jgħid li problema kbira li qiegħda tiffaċċja d-dinja hija r-reżistenza għall-antibiotiċi. Ir-rimi ta’ mediċini b’mod irresponsabbli jagħmel din il-problema ikbar.

Herrera qal li 60% tal-ispiżeriji f’Malta u Għawdex, jiġifieri 163 spiżerija, qed jipparteċipaw biex ikollhom kontenitur speċjali.

Fost l-oġġetti komuni li għandhom jintremew fil-kontenituri mediċinali għand l-ispiżjar hemm pilloli u kapsoli farrada jew pakketjati, mediċini fil-flixkun, inhalers u tubi ta’ kremi mediċinali. Inhalers tal-plastik għandhom jigu sseparati minn mal-canister.

Tista’ ssir taf iżjed minn fuq is-sit tal-Wasteserv jew billi ċċempel fuq 8007 2200.