Mediċina kontaminata wasslet tfal isiru jixbhu lupu

Sittax-il tfal żviluppaw il-kundizzjoni ‘werewolf syndrome’ wara li ħadu mediċina kontaminata meta kienu Spanja. Din il-kundizzjoni ttella’ xagħar bla rażan fuq il-wiċċ u fuq il-ġisem kollu  u tagħmel lil dak li jkun jixbah lupu.

Jidher li kollox beda meta dawn it-tfal ħadu mediċina li kienet kontaminata bil-minoxidil, rimedju għal min ikollu problemi fix-xagħar. Il-mediċina Omeprazole li ħadu suppost kellha tirrimedja kundizzjonijiet fl-istonku u d-diġestjoni.

Il-ġenituri ta’ tfal li taw l-Omeprazole lil uliedhom ngħataw parir biex jieħdu lit-tfal tagħhom għand tabib biex jaraw jekk dawn kinux milquta minn din il-kundizzjoni.

Tifel Indjan ta’ 13-il sena bil-kundizzjoni tal-‘werewolf syndrome’

L-awtoritajiet tas-saħħa Spanjoli qalu li meta t-tfal waqfu jieħdu l-mediċina kontaminata naqas mill-ewwel it-tkabbir tax-xagħar fuq ġisimhom. Aġenzija tal-aħbarijiet irrappurtat li l-mediċina twaqqfet milli tinbiegħ ix-xahar li għadda meta kienu diġà nstabu 13-il każ b’din il-kundizzjoni.

Kien hemm 30 spiżerija li kienet tbigħ din il-mediċina mqassma milll-kumpanija Farma-Quimica Sur li issa tteħditilha l-liċenzja li tbigħ u tqassam prodotti mediċinali. Il-kumpanija sostniet li l-kontaminazzjoni seħħet fl-Indja fejn saret il-mediċina.