Mediċina investigata minħabba riskju ta’ kanċer

Picture: Walmart.com

Read in English.

Zantac, mediċina għall-aċtu fl-istonku, qed tiġi investigata minħabba riskju ta’ kanċer. L-Awtorità tal-Mediċina f’Malta qalet lill-Newsbook.com.mt li l-Marketing Authorisation Holder sejjħet lura l-mediċina b’mod volontarju bħala prekawzjoni.

Fit-13 ta’ Settembru, ġew ippubblikati rapporti minn naħa tal-Amministrazzjoni tal-Ikel u Mediċina tal-Amerka (FDA) u mill-Aġenzija Ewropea dwar il-Mediċini (EMA). Dawn ir-rapporti kienu dwar id-deċiżjoni biex jinvestigaw il-preżenza ta’ N-nitrosodimethylamine (NDMA) f’mediċini li fihom għandhom id-droga ranitidine.

Għalhekk, hemm biża li fil-mediċina Zantac hemm traċċi ta’ impuritajiet tan-nitrosamines. NDMA hija kklasifikata bħala sustanza li probabbilment tista’ tikkawża l-kanċer fuq bażi ta’ studji li saru fuq l-annimali.

L-Awtorità tal-Mediċina f’Malta qalet li pazjenti li għandhom xi mistoqsijiet dwar il-mediċina tagħhom għandom jitkellmu mat-tabib jew l-ispiżjar tagħhom. Qalet li hemm diversi mediċini oħra li jistgħu jiġu ndikati għall-istess kundizzjonijiet.

Min waqaf ibigħ il-prodott?

CVS, kumpanija tal-ispiżeriji fl-Amerka, ħabbret li se tieqaf tbigħ Zantac bħala prekawzjoni. Walgreens, Walmart u Rite Aid, ukoll kumpaniji tal-ispiżeriji fl-Amerka, ħadu l-istess deċiżjoni.

Il-Kanada, Franza u Bangladesh, fost pajjiżi oħra, neħħew il-prodott.

GlaxoSmithKline, il-kumpanija li jagħmlu Zantac, ġiet irrappurtata li waqfet tiddistribwixxi il-mediċina, u li sejjħet lura l-prodotti tagħha fl-Indja u fil-Hong Kong.