Medda għall-isparar qrib kappella medjevali mhix se ssir

Medda ta’ art għall-isparar li kienet proposta li ssir ħdejn il-kappella Medjevali ta’ Ħal Xluq fis-Siġġiewi mhix se ssir.
Dan qalu l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, li fi stqarrija s-Sindku Alessia Psaila Zammit qalet li l-Kunsill laqa’ d-deċiżjoni tat-Tribunal ta' Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjannar.
Intqal li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kien mill-bidunett oġġezzjona għall-applikazzjoni li kienet saret lill-Awtorità tal-Ippjannar sabiex tinbena shooting range ħdejn il-Kappella medjevali ta' Ħal Xluq li tinsab fil-konfini tas-Siġġiewi.
Fost l-oħrajn kien qal li l-iżvilupp propost kien se jikkawża tniġġis mill-istorbju, li s-sit propost kien mal-50 metru biss bogħod mill-Kappella ta’ Santa Marija, li kien se jkollu impatt negattiv fuq iż-żona, u li ma jaqbilx mal-karattru tal-inħawi.
Mal-Kunsill kienu ngħaqdu l-Parroċċa tas-Siġġiewi, Din l-Art Helwa u residenti Siġġiwin.
Il-Kunsill jingħata raġun f’każ ta’ żvilupp ieħor
Sadanittant, fi stqarrija separata s-Sindku qalet li l-Kunsill ingħata raġun fuq appell dwar it-tneħħija tal-iskedar ta’ art fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Dmejrek.
Intqal li it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjannar ta raġun lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li ma kienx ġie kkonsultat fuq deċiżjoni tal-Awtorità biex art fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Dmejrek titnehha mill-lista ta’ propjetà skedata.
Ma’ Flimkien għal Ambjent Aħjar il-Kunsill kien oġġezzjona għax ma ġiex ikkonsultat dwar din l-azzjoni li kienet se tittieħed, li kien ifisser li nkisru regolamenti fl-Att dwar il-Kunsilli Lokali.
Għal dawn ir-raġunijiet, it-Tribunal ddeċieda li jħassar deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar tat-28 ta’ Mejju tal-2015, annulla it-tibdil fl-iskedar kif ippublikat fl-Avviż tal-Gvern u reġġa’ lura l-proċess fl-istadju ta’ qabel d-deċiżjoni.